Xufier tal-linja, ta’ 41 sena, ġie kkundannat xahrejn ħabs mill-Maġistrat Francesco Depasquale minħabba l-aġir tiegħu fil-konfront ta’ ċiklist meta dan kien qed isuq fl-inħawi tar-roundabout tal-Għarusa tal-Mosta. Il-każ seħħ fid-9 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tad-9.00am.
Thomas Spagnol kien qed isuq coach li bdiet tintuża bħala karozza tal-linja wara li kienu waqfu joperaw il-Bendy Buses.
Spagnol kien qed idur mar-roundabout ta’ Tarġa Gap, fid-direzzjoni ta’ Burmarrad. L-istess kien qed jagħmel iċ-ċiklist Graham Borg. Il-Qorti semgħet kif Spagnol rass lil Borg mad-dawra u kif, iktar ’l isfel fit-triq, iċ-ċiklist laħqu u qallu, “għoddok tajjartni”.
Il-Qorti semgħet ukoll kif min-naħa tiegħu, Spagnol, li dejjem ċaħad l-akkużi, għafas il-gass u saq għal fuq Borg iżda b’xorti tajba ma laqtux.
Fix-xhieda tiegħu, Borg qal li meta pprova jkellem li x-xufier, dan dawwar il-coach għal fuqu u tela’ fuq il-bankina u hu evitah bi żbrixx.
Spagnol ammetta li hu ħareġ ftit għal fuq ir-roundabout iżda sostna li ma baqax ħiereġ u ħalla lil Borg jgħaddi peress li kien hemm ħofra fl-art.
Spagnol qal ukoll li kien impossibbli li Borg laħqu u li pprova jkellmu għax il-bibien jingħalqu awtomatikament u li ma kienx minnu li kiser il-vettura għal fuq Borg.
Il-Qorti qalet li x-xhieda taċ-ċiklist hi aktar kredibbli mix-xhieda tax-xufier. Ingħad ukoll li peress li l-inċident seta’ wassal għal konsegwenzi ferm aktar serji fil-konfront taċ-ċiklist, Spagnol għandu jiġi kkastigat b’mod qawwi biex jiġi assikurat li r-regolamenti tat-traffiku japplikaw għal kulħadd.
Minbarra x-xahrejn ħabs, il-Qorti skwalifaktlu l-liċenzja għal perjodu ta’ tliet xhur.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Maria Stella Attard filwaqt li għal Spagnol deher l-Avukat Victor Bugeja.
//= $special ?>