Silvana Muscat, mara ta’ 36 sena residenti x-Xemxija, instabet mejta għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħodu f’appartament fi Triq l-Isponoż, f’Buġibba. Madankollu jidher li l-vittma kien ilha numru ta’ sigħat mejta.
Muscat, magħrufa bħala Daisy, instabet f’għadira demm b’ħames daqqiet ta’ sikkina fil-parti ta’ fuq ta’ ġisimha, mixħuta fuq is-sodda tal-appartament tal-ġenituri tagħha, li jintuża bħala villeġġjatura. Hi kienet mgħottija bi gverta u liebsa ħwejjeġ ta’ ġewwa.
Kienet oħt il-vittma li sabitha mejta wara li ċemplitilha għal diversi drabi imma baqgħet bla tweġiba. Għalhekk hi marret fil-post, ħabbtet għal diversi drabi, għajtitlha, imma baqgħet bla tweġiba u b’xi mod irnexxielha tidħol fl-appartament.
Hu maħsub li s-suspettat daħal mix-shaft
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija hu maħsub li l-allegat qattiel daħal fl-appartament tal-vittma minn shaft. Filfatt fil-post ma nstab l-ebda sgass.
Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, ir-raġel suspettat li wettaq dan l-omiċidju hu Libjan li kellu relazzjoni ma’ Muscat.
Madankollu inqalgħet kwistjoni bejniethom li wasslet biex il-vittma temmet ir-relazzjoni mal-Libjan.
Il-vittma kienet talbet garanzija fuq is-suspettat
Riċentament għamlet tliet rapporti ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-istess persuna, rapport li jinkorporaw fihom theddid. Hi kienet talbet ukoll lill-Pulizija għal garanzija mill-Qorti biex il-Libjan ma jersaqx lejha wara sensiela ta’ theddid li rċeviet.
Minkejja dan ninsabu nfurmati li l-vittma fl-aħħar jiem qalet lil xi nies li kienet imwerwa u bdiet tibża’ toqgħod iktar waħidha. Dan wara li rċeviet informazzjoni li l-Libjan kien qed isegwiha.
Il-Libjan ħarab minn Malta lejn Bergamo
Wara d-delitt, il-Libjan suspettat ħalla Malta fl-aħħar sigħat abbord titjira tar-Ryanair lejn Bergamo, fl-Italja.
Il-Libjan deher jipparkja l-vettura tat-tip BMW, suspettata li ntużat biex ħarab wara li wettaq id-delitt, fejn filfatt instabet fil-parkeġġ tal-Ajruport.
Minn hemm imbagħad ir-raġel mexa lejn is-sala tat-tluq tal-Ajruport, qata’ l-biljett tal-ajru u ħalla Malta ftit wara.
Malli nstabet din il-karozza, madwar siegħa wara li nstab il-katavru, tpoġġew numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija għassa fejn saru l-eżamijiet minn membri tal-forensika.
Wara l-karozza ttieħdet lejn il-garaxx tal-Pulizija.
Interrogat raġel b’ieħor
Immedjatament wara s-sejba tal-karozza intensifikat it-tfittxija madwar l-Ajruport ta’ Malta sakemm ġiet interrogat ta’ Libjan, li wara sar magħruf li kien każ ta’ identità żbaljata, bir-raġel interrogat li jidher li m’għandu xejn x’jaqsam mal-każ.
Dan ir-raġel filfatt jidher li nħeles ftit tal-ħin wara.
Tinstab l-arma tad-delitt
Intant fuq il-post tad-delitt wasal tim forensiku fejn instabet ukoll l-arma tad-delitt, sikkina, f’parti tal-komun li tagħti għall-bejt tal-istess appartament.
Aktar stħarriġ għadu għaddej filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Carol Peralta.
Il-Pulizija qed ikellmu lill-qraba u ħbieb tal-vittma biex jiksbu iktar informazzjoni dwar is-suspettat u anke’ dwar ċrieki li kien jiffrekwenta.
Intant iktar tard matul il-ġurnata, il-Pulizija organizzat konferenza tal-aħbarijiet immexxija mid-Deputat Kummissarju Pierre Calleja u l-Assistenti Kummissarji Norbert Ciappara u Martin Sammit fil-preżenza tal-Ispetturi Keith Arnaud u Dennis Theuma.
Huma saħqu li għalissa għadu ma sar l-ebda kuntatt mar-raġel li skont huma għadu biss persuna ta’ interess. Komplew li jekk matul l-investigazzjoni dan isir suspettat, allura jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.
Fis-sigħat li ġejjin se ssir l-awtopsja biex tiċċertifika l-kawża tal-mewt.
Dan hu l-ewwel delitt ta’ din is-sena.
//= $special ?>