Ilbieraħ miet pazjent anzjan ieħor, li kien qed jinżamm għall-kura f’wieħed mill-kurituri tal-Isptar Mater Dei. Il-mewta ta’ dan l-anzjan tkompli ttella’ l-għadd ta’ anzjani li qed imutu f’xi kuritur tal-Isptar Mater Dei minħabba li għal xi raġuni ma tinstabilhomx sodda biex jingħataw il-kura medika fl-aħħar ta’ ħajjithom.
“Din hi sitwazzjoni tal-mistħija”, ikkummenta magħna infermier, li żied li minħabba li dawn il-pazjenti jkunu jidhru li sfortunatament waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom, għall-inqas ħaqqhom li jkollhom mewta dinjituża f’sodda deċenti f’xi sala jew oħra tal-Isptar Mater Dei.
Madankollu, dawn il-pazjenti qed jitħallew imutu f’ambjent xejn dinjituż, tant li min hu responsabbli għandu ordni ċara biex il-persuni li jkunu għadhom kemm mietu jitneħħew fl-iqsar żmien possibbli mill-kuritur ħalli ma tantx jagħtu fl-għajn.
Kien hemm każi fejn saħansitra dawn il-persuni jittieħdu mill-ewwel fil-Mortwarja u jkunu mkeffna hemm.
//= $special ?>