Il-persuna li fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 mexxa l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista, ġie mixli b’pusses illegali ta’ Dokumenti tal-Vot ta’ persuna oħra, filwaqt li żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija ċaħdu li qassmu Dokumenti tal-Vot lil xi ħadd ieħor li ma kienx is-sid ta’ dawn id-Dokumenti.
Joseph Falzon, ta’ 57 sena minn Tas-Sliema, ġie mixli li wettaq dawn l-irregolaritajiet u li kellu d-Dokumenti tal-Vot tal-elezzjoni ġenerali u tal-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema, li saru f’Marzu 2013. Id-Dokumenti tal-Vot kienu propjetà ta’ ċertu Benedict Grech.
Fl-istess waqt, il-Pulizija Robert Magro, ta’ 42 sena minn Tas-Sliema, u Daniel Busuttil, ta’ 39 sena mill-Mosta, li kienu responsabbli mid-distribuzzjoni tad-Dokumenti tal-Voti, kienu mixlijin li għaddew id-Dokumenti lil xi ħadd ieħor. Huma kienu mixlijin ukoll li wettqu reat li kellhom id-dmir jissorveljaw u jaraw li ma jseħħx.
Kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-Ispettur Tony Cachia spjega kif beda jinvestiga ittra riferuta lill-Pulizija mill-Kummissarju Elettorali Ewlieni Saviour Gauci mingħand Grech, li qal li meta mar biex jiġbor id-Dokument tal-Vot tiegħu jumejn qabel l-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu 2013, qalulu li xi ħadd kien diġà nġabar.
Grech irrapporta lil Gauci li l-firma li kien hemm maġenb ismu ma kinitx tiegħu. Qal li rċieva telefonata mingħand Joseph Falzon biex jiltaqa’ miegħu l-Gżira għax ried ikellmu dwar id-Dokument tal-Vot. Huma ltaqgħu fejn kien hemm l-Empire Stadium, fejn Falzon tah id-Dokumenti tal-Vot għalkemm baqa’ ġġustifikax miegħu kif kien fil-pussess ta’ dawn id-Dokumenti.
Kien għalhekk li Grech kiteb u lmenta dwar dan kollu mal-Kummissjoni Elettorali. L-Ispettur Cachia qal li Falzon u ż-żewġ Pulizija kienu ġew interrogati.
Filwaqt li Joseph Falzon irrifjuta li jirrispondi għal kull mistoqsija li saritlu, iż-żewġ Pulizija ċaħdu li kienu taw id-Dokumenti tal-Vot lil xi ħadd ieħor. Huma lanqas setgħu jispjegaw kif dawn spiċċaw għand dak li kien qed imexxi l-Uffiċċju Elettorali Laburista.
Daniel Busuttil, li kien qed iqassam id-Dokumenti għall-elezzjoni ġenerali, qal li kien impossibbli li dawn id-Dokumenti nġabru minn xi ħaddieħor. Min-naħa tiegħu, Robert Magro qal lill-Pulizija li ma ta l-ebda Dokument tal-Vot lil terzi persuni u li dawn setgħu tqassmu mill-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema fil-ħinijiet ta’ wara.
L-Ispettur Cachia qal li l-investigazzjoni fuq il-każ waqfet fil-bidu ta’ Mejju meta kien spiċċa trasferit f’Dipartiment ieħor. Qal li kien ipprepara rapport fuq l-investigazzjoni li kien għamel u rrefera l-każ lis-superjuri tiegħu fil-Korp biex jingħata direzzjoni fuq kif kellu jipproċedi. Qal li l-Avukat Ġenerali wkoll kien talab għal opinjoni dwar dan il-każ.
Saviour Gauci qal li Grech kien mar ikellmu dwar id-Dokumenti tal-Vot tiegħu u talbu biex jagħmel l-ilment tiegħu bil-miktub. Hu kien irċieva dan l-ilment fis-7 ta’ Marzu iżda minħabba li kien imħabbat ħafna, ma kienx kompla miexi fuq l-ilment għal madwar ġimgħa, sakemm irrefera l-każ lill-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, George Saliba f’isem il-Kummissjoni Elettorali qal li Falzon ma kienx awtorizzat jiġbor xi Dokumenti tal-Vot f’isem xi ħadd u li kien biss il-Kummissarju tal-Pulizija jew ir-rappreżentant tiegħu li setgħu jqassmu dawn id-Dokumenti.
Il-Maġistrat Josette Demicoli pposponiet il-każ għax-xahar id-dieħel. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur James Grech, filwaqt li l-Avukati Stefan Zrinzo Azzopardi u Jason Grima qed jidhru għal Falzon u Magro, bl-Avukat Joe Giglio qed jidher għal Busuttil.
//= $special ?>