Il-Pulizija f’Lincoln County fl-Istat ta’ Washington qed jappellaw għall-għajnuna mill-pubbliku biex jingħaraf raġel li nqabad jipprova jaħtaf tarbija ta’ madwar sentejn.
Skont il-Pulizija, ir-raġel resaq lejn tlett itfal fil-ġnien ta’ raħal, nhar il-Ħadd għall-ħabta ta’ nofsinhar, u beda jitkellem maż-żewġt itfal il-kbar qabel ħataf lit-tarbija ta’ kważi sentejn mill-pushchair u telaq bih. Iż-żewġt itfal l-oħra telqu jiġru u jgħajtu wara r-raġel sakemm kien hemm xi żgħażagħ li nnutaw dak li kien qed jiġri u marru fuq ir-raġel. Kien f’dan il-ħin li r-raġel telaq lit-tarbija u ħarab minn fuq il-post.
Il-Pulizija, li qalu li t-tifel ta’ kważi sentejn ma ġarrab ebda ġrieħi fl-inċident, ħarġu filmat ta’ kameras tas-sigurtà bit-tama li r-raġel jiġi identifikat. In-nies tal-post jaħsbu li r-raġel mhux mir-raħal fejn jgħixu.
//= $special ?>

