Internazzjonali

Franza tinvestiga filmat dwar qtil mill-ISIS

L-awtoritajiet fi Franza fetħu inkjesta dwar filmat li jingħad li juri l-qtil ta’ raġel Għarbi-Iżraeljan mill-ISIS u fejn, fost oħrajn, jidher terrorista li jinstama’ jitkellem bil-Franċiż.

It-terrorista inkwistjoni ilissen kumment (fuq il-filmat) waqt li tfajjel jidher qed jispara lejn il-vittma. Intant, il-familja tal-Għarbi-Iżraeljan maqtul f’dan il-każ qed tiċħad li hu kien spjun għall-Iżrael.

Sadanittant, l-uffiċjali Franċiżi qalu li t-terrorista ‘li jinstama’ jitkellem’ x’aktarx li hu Sabri Essid, qarib ta’ Mohammed Merah; l-estremista Iżlamiku li, fl-2012, kien qatel seba’ persuni fi Franza qabel tilef ħajtu fi sparatura mal-pulizija fil-belt ta’ Toulouse.

L-istampa Franċiża, fl-istess ħin, qalet li t-tfajjel li jidher qed joqtol lill-Għarbi-Iżraeljan fil-filmat jista’ jkun it-tifel tar-rispett ta’ Mohammed Merah (li jidher fir-ritratt).

Fl-istess ħin, il-prosekuturi Franċiżi jemmnu li r-raġel u t-tifel fil-filmat tal-ISIS huma Franċiżi, bl-uffiċjali jiddeċiedu li jibdew l-investigazzjonijiet biex jiddeterminaw biċ-ċert l-identita tagħhom.