Lokali

Il-GPS tal-MPT jintuża’ biex ‘jirreklama’ ftehim mal-GWU, ix-xufiera inkwetati dwar kemm għandhom dritt jagħżlu liema union jippreferu

Is-sistema tal-GPS li l-Malta Public Transport għamlet fil-karozzi tal-linja, dalgħodu ntużat biex jitħabbar ftehim mal-GWU. Il-messaġġ, mimli żbalji fil-Malti, kien dwar ftehim li ntlaħaq mal-GWU. Iżda dan ħoloq furur fost l-impjegati, li qalu li f’dan il-każ, l-apparat intuża’ biex tiġi rreklamata union waħda partikolari.

Dan minkejja li fi stqarrija li ħarġet ilbieraħ, il-kumpanija li ħoloq il-Gvern u li issa ngħaddiet lill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku, qalet li tirrispetta d-dritt tal-ħaddiema tagħha li jagħżlu liema union iridu. Is-sewwieqa li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li bl-użu tas-sistema tal-kumpanija biex jitwassal messaġġ favur union waħda, minnu nnifsu hu reklam u allura tnaqqir tad-dritt li l-ħaddiem jagħżel liema union jaħseb li hi l-aħjar għalih.

Dwar dan, il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) qalet fi stqarrija li b’hekk il-ħaddiema qed ikunu intimidati waqt ix-xogħol meta jafu li se ssir azzjoni industrijali mill-UĦM. Il-Union ikkundannat dan l-aġir tal-MPT u sostniet li jekk dan se jippersisti, lesta wkoll tieħu l-passi meħtieġa skont il-Liġi. Ma teskludix lanqas li żżid l-azzjonijiet industrijali.