Libjan ta’ 30 sena li jinsab fil-periklu tal-mewt wara li lbieraħ qala’ daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta kien aggredit fuq vapur tal-gwerra Libjan li jinsab sorġut fil-Marsa fejn qed issirlu xi tiswija.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.30am. Għall-ewwel kien maħsub li ż-żagħżugħ kien attakkat fi triq is-Salib tal-Marsa imma iktar tard kien stabbilit li kollox seħħ fuq dan il-vapur wara argument bejn numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija.
Fil-post issejjaħ tim mediku, li wassal liż-żagħżugħ l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ u fl-aħħar sigħat kienu nterragati l-membri tal-ekwipaġġ abbord il-vapur stess.
Madankollu ma jistgħux isiru arresti minħabba li l-vapur hu meqjus bħala territorju Libjan, minkejja li hu sorġut f’Malta, bl-allegat agressur jibqa’ jistkenn abbord.
Il-Maġistrat tal-Għassa kien infurmat bil-każ u apponta Inkjesta.
//= $special ?>