Lokali Parlament

Il-Parlament jista’ jibda jiltaqa’ fil-bini l-ġdid fl-4 ta’ Mejju

Fil-bini l-ġdid jibdew jixxandru dirett fuq it-televiżjoni s-seduti kollha parlamentari

Il-Parlament jista’ jibda jiltaqa’ fil-binja l-ġdida fid-Daħla tal-Belt, kif disinjat mill-perit ta’ fama mondjali Renzo Piano, fl-4 ta’ Mejju.

Il-mira għal din id-data hi marbuta mal-andament tax-xogħol li jrid isir ta’ testijiet u tħaddim tal-apparat kollu marbut mhux biss mal-binja kollha tal-Parlament, iżda wkoll tax-xogħol u tas-servizzi l-aktar importanti għall-operat tal-Parlament.

Trid tinstab soluzzjoni dwar is-sistema ta’ sigurtà wara li l-armata m’aċċettatx li s-sigurtà tgħaddi f’idejha, bit-taħditiet issa għaddejjin mal-Pulizija.

Tħabbar ukoll li l-Ispeaker Anġlu Farrugia laħaq ftehim maż-żewġ kumpaniji tat-telekomunikazzjoni ewlenin, il-Go u l-Melita, biex mal-ftuħ tal-bini tal-Parlament il-ġdid jibdew jixxandru dirett fuq it-televiżjoni s-seduti kollha parlamentari.

Il-Parlament se jkompli jiltaqa’ fil-bini tal-Palazz il-Belt, sakemm il-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tal-Għid fl-1 ta’ April, bil-mira tkun li s-seduti jkomplu fil-bini l-ġdid fid-Daħla tal-Belt, it-Tnejn 4 ta’ Mejju.

Sadattant, f’dan il-perjodu ta’ waqfa mill-Parlament ta’ aktar minn xahar, fil-11 ta’ April se jkunu qed isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kif ukoll ir-referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Irid isir ukoll it-trasferiment tal-ħaddiema tal-Parlament, żjarat ta’ familjarizzazzjoni għad-deputati li jridu wkoll jingħataw it-taħriġ meħtieġ dwar is-sistemi ġodda mħaddma fil-bini l-ġdid. Iridu wkoll isiru l-arranġamenti meħtieġa dwar l-ispazji ta’ parkeġġ għad-deputati.

Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC li hi responsabbli mit-tlestija tal-proġett, mistennija tgħaddi kważi l-binja l-ġdida kollha lill-Parlament sal-aħħar ta’ Marzu, biex fix-xahar ta’ April ikunu jistgħu jkomplu jsiru t-testijiet kollha meħtieġa biex il-Parlament ikun jista’ jibda jlaqqa’ s-seduti fl-4 ta’ Mejju.

Fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ nhar l-Erbgħa li għadda, ma ssemmiet ebda data dwar iċ-ċerimonja inawgurali tal-ftuħ uffiċjali tal-Parlament il-ġdid.

F’Ottubru li għadda, id-data tat-12 ta’ Ottubru li kienet ippjanata għall-ftuħ uffiċjali tal-Parlament il-ġdid, kellha tiġi kkanċellata wara li l-Gvern kien informa lill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li ma kienx se jilħaq mal-mira li jlesti l-proġett tal-Parlament il-ġdid sa dik id-data.

Fis-sajf li għadda, il-Gvern ukoll kien tawwal il-vaganzi tas-sajf sa nofs Ottubru biex jassigura li l-proġett tal-Parlament jitlesta fil-ħin.