Għall-Oppożizzjoni l-ekonomija ta’ Malta trid tinbena fuq erba’ prinċipji fundamentali. Qal dan il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt business breakfast organizzat mill-Malta Business Weekly.
Wieħed mill-prinċipji fundamentali li jemmen fihom il-Partit Nazzjonalista hu r-rwol ċentrali tal-intrapriżi li jridu jkunu huma, u mhux l-Gvern, li prinċiparjament imexxu l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Simon Busuttil enfasizza wkoll fuq il-fiduċja fil-politika u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. Filwaqt li ħares lejn numru ta’ eżempji riċenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser it-tħassib tiegħu li persuni appuntati politikament iservu lil min ikun offrielom xi pożizzjoni, u mhux lill-poplu.
Kompla li mhux sew li llum-il ġurnata ħafna kumpaniji saru jastjenu milli jagħmlu offerta għal xi tender għax jemmnu li l-għażla tkun diġa’ saret qabel joħroġ tender.
Semma’ wkoll li l-ekonomija trid tagħti s-servizz taċ-ċittadin, u mhux bil-kontra filwaqt li prinċipju fundametali ieħor hu li l-ekonomija trid toffri servizz għall-ġid komuni llum u fil-futur.
Madankollu Simon Busuttil għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista se juża ż-żmien tiegħu fl-Oppożizzjoni biex ifassal il-politika tiegħu.
Biex jagħmel dan, il-Partit Nazzjonalista se jkun qrib l-intrapriżi lokali. Kien għalhekk li twaqqfu għaxar policy fora fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, bl-għan li jkun iċ-ċittadin li jfassal il-politika tal-partit bi tħejjija għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Filwaqt li rrikonoxxa li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, Simon Busuttil wissa’ li l-Gvern ma jistax jieħu dan for granted u jrid iħares lejn pjan lil hinn mill-2020.
Fid-dawl ta’ dan staqsa x’setturi ġodda ħoloq il-gvern biex jagħti spinta lill-ekonomija u fakkar kif f’sentejn l-impjiegi mal-Gvern żdiedu b’mod drastiku bi spiża enormi.
Simon Busuttil wissà li anke’ problemi bħat-trasport pubbliku u t-traffiku, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ bini bla rażan jaffettwaw lill-ekonomija Maltija għaliex ipoġġu spejjeż u piżijiet fuq l-intrapriża.
Fakkar ukoll kif id-dejn qed jiżdied b’rata mgħaġġla filwaqt li l-produzzjoni industrijali qabdet it-triq għan-niżla bi tnaqqis xahar wara l-ieħor.
L-inkwiet fuq is-settur tal-manifattura kien rifless ukoll fil-kummenti tal-President tal-GRTU Paul Abela li qal li l-qasam tal-bejgħ f’pajjiżna mhux jagħti r-riżultati mixtieqa, ħtija anke’ tal-bejgħ online.
//= $special ?>