Editorjal

Il-Prim Ministru u Ministru jidderieġu x-xiri taż-żejt

Minn kumpanija korrotta ta’ pajjiż korrott

Waqt li għadu qed jiżviluppa l-iskandlu li fih il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ diversi drabi u ddeċieda waħdu li jagħti aktar minn 4 miljun ewro minn flusna lin-negozju fallut tal-Cafè Permier u ċeda l-kawża li kienet ġa bdiet kontrih u li l-Gvern kellu kull prospett jirbaħ, meta kien hemm ukoll il-privat li ried jixtri n-negozju u jħallas l-istess ammont, issa għandna skandlu ieħor, saħansitra akbar, li fih il-Prim Ministru Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi idderiġew ix-xiri taż-żejt minn kumpanija mill-aktar korrotta ta’ pajjiż mimli korruzzjoni b’telf kbir għalina l-Maltin fil-pompi tal-petrol bil-prezzijiet għoljin li qed inħallsu għall-petrol u d-diesel.

Ir-riħa tal-korruzzjoni tikkarga

Ir-riħa tal-korruzzjoni li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil pubblikament qal li ħierġa mill-Cafè Premier flok ir-riħa tal-kafè ħierġa wkoll aktar ikkargata minn dak li sab l-Awditur Ġenerali f’inkjesta li għal darb’oħra talbet l-Oppożizzjoni.

Issa nafu għala l-Gvern qed jisraqna fil-fuels

Eżatt f’għeluq sentejn biss ta’ dal-Gvern li diġà qed jinten issa b’diversi skandli, sirna nafu sewwa għala llum qed inħallsu 30 ċenteżmu aktar f’kull litru petrol u diesel milli konna nħallsu meta l-prezz dinji taż-żejt kien bl-istess prezz sitt snin ilu.

L-EneMalta tixtri b’telf kbir mingħand l-Ażerbajġan għax qalilha Konrad Mizzi

Sirna nafu mill-inkjesta tal-Awditur Ġenerali li l-EneMalta xtrat iż-żejt, il-petrol u d-diesel bl-għoli wara li l-Ministru Konrad Mizzi qalilha biex tixtrihom mill-kumpanija taż-żejt mimlija korruzzjoni – SOCAR – ta’ pajjiż mimli korruzzjoni, l-Ażerbajġan. L-EneMalta, bl-indħil dirett ta’ Konrad Mizzi, xtrat mingħand kumpanija u pajjiż korrotti u tilfet 14-il miljun ewro li qed ikollna nħallsuhom aħna fil-pompi tal-petrol.

Muscat, Konrad Mizzi u Keith tal-Kasco jżuru l-Ażerbajġan bil-moħbi

U l-intiena tal-korruzzjoni tikkarga aktar mhux biss għax il-kumpanija SOCAR u l-Ażerbajġan huma magħrufin mad-dinja fost il-kumpaniji u l-pajjiżi mill-aktar korrotti, imma wkoll għax nafu li Joseph Muscat u Konrad Mizzi marru baxx baxx l-Ażerbajġan, żammew kollox sigriet sakemm kixfithom is-Sunday Times, u magħhom ma ħadu l-ebda uffiċjal tal-Gvern jew tal-EneMalta imma biss lil sieħeb Muscat, in-negozjant li jmexxi kollox f’Kastilja, Keith Schembri tal-Kasco.

Muscat, Mizzi u tal-Kasco ħbew għax kellhom x’jaħbu

Għaliex kellhom għalfejn jaħbu dik iż-żjara Muscat, Konrad Mizzi u Keith tal-Kasco f’wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja? Mhux ovvja? Ħbew għax kellhom x’jaħbu. U dak li ħbew qed inħallsu għalih aħna: negozju ma’ kumpanija maħmuġa ta’ pajjiż korrott li tellef 14-il miljun ewro lill-EneMalta u li issa qed inħallsuhom aħna kull darba li l-Gvern jisraqna 12-il ewro f’kull 30 li nagħtu lill-karozza.