Lokali

Il-UĦM tinsisti li għandha dritt tordna azzjoni industrijali, ma teskludix li teskalaha

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) qed tinsisti li hi għandha dritt legali li tordna azzjoni industrijali lill-membri tagħha.

Il-UĦM kienet qed tirreaġixxi għal stqarrija tal-Malta Public Transport ilbieraħ, b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni tagħha ta’ direttivi industrijali għal-lejla bejn is-6pm u t-8pm. Sostniet li d-direttivi huma fid-dawl tat-tilwima industrijali li għandha pendenti u waqt li talbet skuża lill-pubbliku għal kull inkonvenjent, ikkonfermat l-azzjonijiet ordnati bħala leġittimi u li se jibqgħu fis-seħħ.

Il-UĦM innotat li l-General Workers’ Union, fi stqarrija, tat impressjoni li għamlet xi ftehim straordinarju għax-xufiera tal-Malta Public Transport. Il-UĦM sostniet li dan mhu xejn ħlief korrezzjoni tal-pagi li ilu dovut lill-ħaddiema xhur twal u kellu jitħallas b’lura. Stqarret li dan sal-lum għadu ma sarx għad-detriment tal-ħaddiema tal-MPT.

Il-UĦM saħqet li l-MPT qed tibgħat messaġġi permezz tal-GPS fuq il-vetturi tagħhom dwar l-allegat ftehim bejnha u l-GWU. Sostniet li b’hekk il-ħaddiema qed ikunu intimidati waqt ix-xogħol meta jafu li se ssir azzjoni industrijali mill-UĦM. Il-unjin qalet ukoll li l-kumpanija qed tibgħat ċirkolari lill-ħaddiema u qed theddidhom li jekk jimxu mad-direttiva tal-UĦM biex jattendu laqgħa llejla, se jitressqu quddiem il-bord tad-dixxiplina tagħha.

Il-UĦM ikkundannat dan l-aġir u sostniet li jekk dan se jippersisti, il-unjin tista’ tieħu l-passi meħtieġa skont il-liġi. Ma teskludix lanqas li żżid l-azzjonijiet industrijali. Fl-aħħarnett, il-unjin fakkret lill-ħaddiema kollha tal-MPT biex jattendu l-laqgħa li se ssir illejla mis-6pm ’il quddiem.