Is-servizzi sigrieti Amerikani qed jinvestigaw lil żewġ aġenti ta’ grad għoli b’konnessjoni ma’ vettura li kienet involuta f’ħabta fl-artijiet tal-White House.
Kelliema għas-servizzi qalu li l-inċident seħħ matul il-lejl tal-Erbgħa, l-4 ta’ Marzu, bil-Washington Post tirrapporta li l-aġenti kienu saqu l-karozza dritt għal ġol-barrikati tas-sigurtà wara li qattgħu lejl jixorbu u jiddevertu.
Dan kien l-aħħar wieħed fost sensiela ta’ inċidenti imbarazzanti li fihom kienet involuta l-aġenzija li hi responsabbli mill-protezzjoni tal-President Amerikan.
Ir-rapporti qalu li dawn l-uffiċjali ħallew mixgħulin id-dwal ta’ emerġenza tal-karozza waqt li wrew il-badges tal-identifikazzjoni tagħhom f’tentattiv biex jgħaddu minn zona tas-sigurtà fil-kumpless tal-White House. Ingħad li huma mbagħad saqu l-vettura mis-security tape u laqtu l-barrikati tas-sigurtà fiz-zona. Aktar tard, il-membri tas-servizzi tas-sigurtà investigaw dak li ssemma bħala ‘pakkett suspettuż’.
Is-servizzi sigrieti Amerikani, minbarra li huma responsabbli mis-sigurtà tal-President u familtu, huma inkarigati wkoll mill-protezzjoni tal-Viċi President, il-qraba tiegħu u uffiċjali oħra.
Inċident ieħor imbarazzanti għas-Servizzi Sigrieti Amerikani
