L-Ewroparlamentari Roberta Metsola, eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista, intervjeniet u wasslet biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiddaħħal fl-aġenda tal-plenarja tal-Parlament Ewropew ta’ din il-ġimgħa.
Hija u tagħmel sejħa għad-dibattitu, Roberta Metsola sostniet li hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu jafu x’inhi l-istrateġija tal-UE dwar il-Libja, b’mod partikolari fejn jidħol il-proċess li għandu l-għan li jwassal għall-ħolqien ta’ Gvern wieħed Libjan, l-immigrazzjoni u s-sigurtà fir-reġjun kollu kemm hu. It-talba tagħha ġiet aċċettata mill-maġġoranza tal-Ewroparlamentari u s-suġġett ġie miżjud mal-aġenda fl-aħħar minuta.
Waqt id-dibattitu, li sar mar-Rappreżentanta Għolja tal-UE Federica Mogherini, Roberta Metsola għamlet enfasi fuq il-fatt li l-fazzjonijiet differenti fil-Libja għadhom ma laħqux ftehim fuq Gvern wieħed fi ħdan it-taħdidiet immexxija min-Nazzjonijiet Uniti, li jfisser li għad hemm nuqqas ta’ sigurtà fil-pajjiż, u dan qed tagħti lok għal gruppi terroristiċi, bħall-Istat Iżlamiku, biex jikbru fil-pajjiż.
Roberta Metsola saħqet li “l-UE għandha rwol importanti f’dawn it-taħdidiet. L-organizzazzjonijiet terroristiċi jistgħu biss jiġu megħluba b’mod effettiv jekk il-Libja tkun b’saħħitha u magħquda. Iridu jkunu l-Libjani nfushom li jieħdu r-riedni tad-destin tagħhom f’idejhom”.
Għamlet enfasi wkoll fuq il-fatt li l-politiċi jridu joqgħodu attenti li ma jpinġux il-ġlieda kontra t-terrur bħala waħda bejn ir-reliġjonijiet differenti.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista għamlet sejħa biex l-UE tkun ippreparata u jkollha l-kuraġġ li tħares lejn kull possibilità li tista’ tagħmel użu minnha, u sostniet li s-sitwazzjoni fil-Libja qed tevolvi b’mod mgħaġġel, b’eluf ta’ nies jinsabu f’riskju li jiġu spustati u qed jaħarbu mit-terrur u l-vjolenza b’kull mod possibbli. Għalhekk, saħqet, li l-flussi migratorji ser ikomplu jippersistu.
Żiedet tgħid li l-UE jrid ikollha l-kuraġġ tħares lejn kull possibilità li tista’ tagħmel użu minnha. Dan jinkludi ċ-ċaqlieq tal-assi għall-Mediterran biex jiġu salvati l-ħajjiet u tiżdied is-sigurtà, u li r-responsabbiltà tinqasam b’mod ġust bejn l-Istati Membri.
L-MEP laqgħet il-fatt li l-kwistjoni dalwaqt ser tiġi diskussa mill-Prim Ministri u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin u enfasizzat li għandha tibqa’ fuq nett tal-aġenda tal-UE.
//= $special ?>