L-Imħallef Wenzu Mintoff, eksesponent ewlieni tal-Partit Laburista, se jkun hu li jisma’ l-kawża tal-Ombudsman b’rabta ma’ inġustizzji fl-armata
Iż-żieda qawwija fit-tariffi għall-kawżi fil-Qrati, li saħansitra jitilgħu għal żidiet ta’ bejn €150 u €200, hi messaġġ mill-Gvern biex in-nies ma jersqux lejn il-Qorti u li jrid jagħmel il-Qorti anqas aċċessibbli.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi tkellem fil-Parlament dwar l-400 servizz li joffri l-Gvern, u li dan il-Gvern qiegħed iżid il-ħlasijiet għalihom b’medja ta’ 10%. Sejjjaħ din id-deċiżjoni bħala żball, insult u bla sens.
Fisser kif fil-Qrati, it-tariffi għall-kawżi żdiedu bl-eċċezzjoni tal-kawżi fil-Qorti tal-Familja. Il-medja tal-ispiża biex tiftaħ kawża fil-Qorti tal-Maġistrati u fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, żdiedet b’madwar €150 u €200 f’kull kawża.
Jason Azzopardi qal li l-Gvern qed jieħu din il-miżura fil-Qrati biex inaqqas in-numru kbir ta’ kawżi pendenti waqt li irrifera għall-iscore board tal-UE li turi li d-dewmien tal-kważi fil-qrati Maltin għadu ħażin u ma kienx hemm titjib fis-sena 2013.
Fisser kif madwar 50 avukat ressqu protest kontra l-Ministru għan-nuqqas ta’ serjetà fil-mod kif fir-reġistru kien hemm taħwid kbir dwar jekk japplikawx jew le l-ħlasijiet ġodda mħabbra fit-tariffi tal-kawżi.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi saħaq li dawn huma tariffi inġusti, immorali u jikkuntrastaw bil-kbir kif il-Gvern mexa fil-każ skandaluż ta’ Cafè Premier b’€4.2 miljun inħlew f’bail out għal kumpanija privata falluta.
Ikkritika wkoll l-għajta tal-gvern, u l-wegħda dwar tmexxija għaqlija, u rrimarka li l-Imħallef Wenzu Mintoff, eksesponent ewlieni tal-Partit Laburista, se jkun hu li se jisma’ l-kawża tal-Ombudsman b’rabta ma’ inġustizzji fil-promozzjonijiet fl-armata.
//= $special ?>