Ir-referee Karl Frendo Cumbo, li nhar it-Tnejn li għadda telaq mill-grawnd mingħajr ma saffar tmiem il-logħba minħabba li kien aggredit fil-partita tal-U19 bejn Swieqi Utd u St. George’s mhux lest jerġa’ jirrefja.
Dan il-ġurnal irnexxielu jakkwista r-rapport li r-referee Karl Frendo Cumbo kiteb wara l-partita.
It-tensjoni bdiet wara li skont ir-referee, Justin Degabriele ta’ St. George’s intenzjonalment ta daqqa ta’ sieq lil avversarju u tkeċċa fid-69 minuta. Għaxar minuti wara r-referee keċċa wkol lill-goalkeeper u captain ta’ St. George’s Omar Coleiro għax offenda għal erba’ darbiet lill-assistent referee.
Il-goalkeeper ipprova jħebb għar-referee u l-assistent tiegħu, bi sħabu jippruvaw iżommuh. Sadattant fil-grawnd ħareġ is-sostitut Helme Coleiro u dan wassal biex ir-referee ħarab jiġri lejn l-assistenti l-oħra.
Minn hawn l-argument kiber anke’ fost is-sostituti u bejn il-partitarji.
Wara ħames minuti r-referee reġa’ spiċċa affaċċjat minn Owen u Helme Coleiro ta’ St. George’s b’mod agressiv u perikoluż. Hu reġa’ pprova jevita lill-plejers imma rraporta li Owen irnexxielu jtih daqqa ta’ sieq waqt li bdew joffenduh.
L-istess referee kompla li Helme Coleiro saħansitra hedded li jagħmillu ħsara fil-karozza għaliex qal li kien jaf fejn ipparkja. Finalment il-kowċ ta’ St. George’s, il-barman u persuna oħra skortaw lir-referee lejn il-bar u ssakkru fuq ġewwa sakemm waslu numru ta’ uffiċjali tal-pulizija. Din il-logħba diġa’ kienet bdiet 10 minuti tard għaliex il-grawnd dam ma nxtegħel. Meta seħħ l-inċident Swieqi kienu qed jirbħu 4-0.
F’komunikazzjoni li Frendo Cumbo bagħat lis-superjuri tiegħu, fosthom lis-Segretarju tal-MFA Bjorn Vassallo, ir-referee qal li dak li seħħ nhar it-Tnejn kienet esperjenza xokkanti u trawmatika u għadu ħaj għaliex hu fiżikament fit u kienu biss tnejn il-plejers li marru biex iħebbu għalih. Frendo Cumbo għamilha ċara li fil-preżent m’huwiex dispost li jerġa’ jirrefja fil-futbol.
Ir-referee ikkritika l-azzjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet meta jiġri xi ħaġa hekk u qal li mhux ħorox biżżejjed. Fil-komunikazzjoni tiegħu, Frendo Cumbo indirizza lil Bjorn Vassallo u għamilielu ċara li m’huwiex lest jaċċetta dan it-tip ta’ bullying u jekk xi darba fil-futur kellu jirrefja partita oħra ma kienx se jibda l-partita jekk ma jkunx hemm biżżejjed sigurta’.
//= $special ?>