It-tim nazzjonali Malti tan-nisa beda l-impenji tiegħu fl-Aphrodite Cup f’Ċipru b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ażerbajġan. Dan kien debutt rebbieħ għall-kowċ Mark Gatt li inħatar fil-kariga f’Jannar.
Il-Maltin kellhom bżonn biss ħames minuti biex fetħu l-iskor minn corner dirett ta’ Dorianne THEUMA filwaqt li fit-36 minuta Ylenia CARABOTT idruppjat għall-Maltin.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Ażerbajġan tilfu ċans kbir li jnaqqsu d-distakk imma fallew penalty.
Kien 20 minuta mit-tmiem meta eventwalment l-avversarji tal-Maltin skurjaw permezz ta’ Zhala MAMSIMOVA madankollu l-Maltin iddefendew tajjeb sal-aħħar biex kisbu rebħa ta’ 2-1.
Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar sentejn li t-tim Malti tan-nisa mhux biss rebaħ logħba imma anke sab ix-xibka. L-aħħar logħba li fiha t-tim Malti skurja u rebaħ kien fid-9 ta’ April tal-2013 meta dakinhar Malta rebħet 2-0 kontra l-Latvja. Il-logħba li jmiss għall-Maltin hi dik ta’ llum kontra Ċipru fit-3pm f’Pegia. L-aħħar partita tal-Grupp tintlagħab il-Ħadd 15 ta’ Marzu fit-3pm f’Geroskipou.
It-turnament ikompli bis-semifinali biex il-finali tintlagħab fit-18 ta’ Marzu fit-3.00pm, f’Pafiako.Il-kontinġent Malti jasal lura pajjiżna l-Ħamis 19 ta’ Marzu wara nofsinhar.
Il-Maltin qed jieħdu sehem f’dan it-turnament biex iħejju għall-partiti ferm importanti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonati Ewropej.
//= $special ?>