Lokali

M’hemmx il-permessi kollha meħtieġa tal-MEPA għall-Pjazza ta’ Kastilja

Il-proġett fil-Pjazza ta’ quddiem Kastilja qed isir mingħajr il-permess tal-MEPA. Dan ġie żvelat f’artikli ppubblikati minn The Malta Independent u The Times of Malta, fejn jidher li x-xogħol li nbeda quddiem il-Berġa ta’ Kastilja qed isir mingħajr ma saret applikazzjoni għall-permessi.

Il-proġett mhuwiex wieħed żgħir, anzi se jbiddel b’mod estensiv l-estetika ta’ dan il-misraħ quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Madankollu, biex isir dan il-proġett, il-Gvern ma ssottometta l-ebda applikazzjoni quddiem il-MEPA, iżda kulma saret kienet notifika sempliċi ta’ żvilupp.

Il-MEPA tat l-approvazzjoni tagħha għal dan il-proġett ta’ €1.6 miljun, li għalhekk żgur ma jistax jitqies bħala wieħed żgħir. Fil-fatt, in-notifika ta’ żvilupp ġeneralment tintuża’ meta jkun hemm xogħolijiet minuri, li ma jkunux kbar ħafna.

Fil-ġurnali ntqal ukoll li hu stramb ħafna kif seħħet il-kronoloġija tal-fatti. Dan għaliex kien hemm żmien qasir wisq minn meta tħabbar il-proġett għal meta bdew ix-xogħolijiet propji. Dan ma ta l-ebda ċans lill-pubbliku jagħti r-reazzjoni tiegħu fuq il-proġett ta’ rinnovament fi Pjazza Kastilja.