Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Marsa, li qed isibha diffiċli ħafna biex jgħaddi minn l-eżami tat-teorija tal-liċenzja tas-sewqan, ingħata probation għal sena mill-Maġistrat Carol Peralta wara li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija. Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għaddew.
Huma mifhum li waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu r-ronda tas-soltu waqqfu lil Ryan Briffa. Briffa kien qed isuq mingħajr liċnezja tas-sewqan. Il-Pulizija segwew lil Briffa, li f’ħin minnhom waqaf u ħareġ mill-karozza flimkien ma’ persuna oħra Steve Galea.
Huma avviċinaw lill-karozza tal-Pulizija b’mod aggressiv. Min-naħa tiegħu, il-Pulizija wissa lil Briffa u lil Galea li jekk se jersqu qribu se juża l-“pepper spray”. Hawn hekk Briffa u Galea qalu kliem ta’ theddid lill-Pulizija u ġew arrestati.
Fil-Qorti Briffa saħaq li għandu problema dwar it-teorija tal-liċenzja tas-sewqan.
Min-naħa tiegħu, Briffa ammetta l-imputazzjonijiet miġjubin fil-konfront tiegħu u ngħata sena probation u mmultat is-somma ta’ €800.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana.