Internazzjonali

Skandlu ta’ tixħim bejn l-industrija taż-żejt u l-Gvern

Eksuffiċjal tal-kumpanija Petrobras, il-kumpanija nazzjonali taż-żejt Brażiljana, ammetta li l-Partit tal-Ħaddiema, il-partit fil-Gvern fil-Brażil, kien jixxaħħam għal miljuni ta’ dollari biex jagħti l-kuntratti lil din il-kumpanija.
Il-Pulizija Brażiljana qalet li diversi politiċi fil-partit kienu jingħataw somom kbar ta’ flus bi tpattija għall-kuntratti. Il-flus imbagħad kienu jinqasmu bejn il-politiċi u l-partit. Ħafna minn dawk involuti huma alleati tal-President Dilma Rousseff.
Pedro Barusco, l-eksuffiċjal għoli tal-Petrobras, qal li hu kien ta bejn 150 u 200 miljun dollaru lill-Partit tal-Ħaddiema u l-flus tpoġġew f’fond għall-donazzjonijiet.
Skont Barusco, l-iskema kienet bdiet fl-2004, sena wara li l-Partit tal-Ħaddiema kien tela’ fil-poter. Il-President attwali kienet tmexxxi l-kumpanija bejn l-2003 u l-2010 imma qed tiċħad li kienet taf b’dan kollu.