Internazzjonali

Traġedja f’ċentru kummerċjali f’Kazan fir-Russja

Talanqas ħames persuni tilfu ħajjithom fost in-nirien li ħakmu kumpless kummerċjali fil-belt ta’ Kazan. Intant, l-awtoritajiet jaħsbu li almenu 25 persuna spiċċaw taħt it-terrapien tal-bini li ċeda u meta salbieraħ l-iskwadri għall-emerġenza kienu qed jistinkaw biex jirkuprawhom.
In-nirien qabdu ġo kafeterija fl-ewwel sular tal-istabbiliment li kien jismu ‘Admiral Centre, b’aktar minn 600 persuna jilħqu jkunu evakwati mill-bini.
Parti miċ-ċentru, li kienet tinkludi s-saqaf, ċediet qalb in-nirien u l-awtoritajiet jemmnu li wħud fost il-ħafna li kienu rrappurtati nieqsa setgħu intradmu ħajjin. Fl-istess ħin numru sostanzjali ta’ nies kellhom ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu fl-inċident.
Il-Kap taċ-ċentru għall-emerġenzi reġjonali ta’ Volga kien ikkwotat li, (sa dak il-ħin) kien hemm talanqas 25 persuna li ma setax isir il-kuntatt magħhom fl-inħawi fejn seħħet it-traġedja..