Wara sentejn minn Gvern Laburista, il-kelma tal-Prim Ministru Joseph Muscat x’saret tiswa’? Il-powerstation li suppost kellha tkun lesta, l-iskandlu tal-Cafe’ Premier u l-indhil tal-Ministru Konrad Mizzi fil-hedging mal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan kollha juru l-mod kif il-kelma tal-Prim Ministru saret kelma li wieħed ma jistax joqgħod fuqha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat minn Reno Bugeja waqt il-programm ‘Dissett’ il-Ħamis filgħaxija.
Simon Busuttil staqsa x’tiswa’ l-kelma tal-Prim Ministru meta każ wara l-ieħor qed jirriżulta li l-Prim Ministru qed jgħid mod meta filfatt ikun mod ieħor.
Simon Busuttil semma l-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali, li jikxef l-indħil li kien hemm mill-Ministru Konrad Mizzi fil-hedging mal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan.
Qal li fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal b’mod ċar li kien hemm indħil mill-Ministru Konrad Mizzi, iżda fl-istess ħin, l-istess Ministru qed jgħid li m’għamel xejn ħażin.
Anke’ fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier, Simon Busuttil fakkar li l-Awditur Ġenerali kixef email tal-Prim MinistruJoseph Muscat li tikkonferma l-indħil Prim mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’skandlu li fih ittieħdu erba’ miljun u nofs mit-taxxi tal-poplu għal xi ħaġa li seta’ joħodha b’xejn permezz ta’ kawża fil-Qorti.
Sostna li b’erba’ miljun ewro, il-Gvern seta’ jinvesti aktar fl-edukazzjoni billi jibni skola ġdida, jew inkella seta’ jagħmel investiment fis-settur tas-saħħa biex inaqqas il-pazjenti mill-kuriduri fl-isptar Mater Dei.
Anke’ dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fil-każ tal-iskandlu tal-Cafe’ Premier, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu ma ndaħalx fil-każ – minkejja li fir-rapport ġiet ippubblikata ’email’ mibgħuta minn Joseph Muscat stess u li tikkonferma li hu indaħal personalment u direttament f’dan l-iskandlu.
Kien hawnekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil reġa’ staqsa il-kelma tal-Prim Ministru x’saret tiswa’, sentejn biss mill-bidu ta’ Gvern Laburista.
Kemm fil-każ tal-iskandlu tal-Cafe’ Premier kif ukoll fil-każ tal-hedging mal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan, joħroġ biċ-ċar li dawn huma żewġ rapporti tal-Awditur Ġenerali li jikkundannaw lill-Gvern Laburista – sentejn biss minn meta ġie elett, saħaq Simon Busuttil.
Waqt il-programm ‘Dissett’, Simon Busuttil tkellem ukoll fit-tul dwar il-Partit Nazzjonalista, it-trasformazzjoni li qed jgħaddi minnha u l-istandards li qed jimxi bihom, biex sal-elezzjoni ġenerali il-Partit Nazzjonalista jkun lesta l-maratona li jinsab fiha.
Qal li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn perjodu ta’ trasformazzjoni b’kandidati ġodda tal-Partit Nazzjonalista li ġejjin minn kull mixja tal-ħajja, saħansitra persuni li ġejjin mill-kamp Laburista.
Saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jmur għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali b’determinazzjoni filwaqt li l-Oppożizzjoni se tkun qed tara li tkompli tagħmel id-differenza.
//= $special ?>