Lokali

Xufiera tat-trasport pubbliku b’strajk ta’ sagħtejn

Il-UĦM tisħaq għal proċess demokratiku biex isir magħruf liema union tgawdi l-maġġoranza tal-appoġġ

Numru ta’ ħaddiema tal-kumpanija Malta Public Transport il-Ħamis filgħaxija ħarġu fuq strajk ta’ sagħtejn, bejn is-6pm u t-8pm fuq direttiva tal-Union Ħaddiema Magħqudin. Dan hekk bħalissa għaddejja tilwima industrijali b’rabta mal-kwistjoni ta’ liema union għandha tkun rikonoxxuta bħala dik li tirrappreżenta lix-xufiera tas-servizz tat-trasport pubbliku.

Waqt li kien għaddej l-istrike, it-tmexxija tal-Union Ħaddiema Magħqudin indirizzat lil dawn ix-xufiera f’laqgħa li kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Generali tal-UĦM Josef Vella. Waqt il-laqgħa Josef Vella qal li l-Union se tkompli tirsisti biex isir il-proċess demokratiku biex ix-xufiera jkunu jistgħu jagħżlu huma l-union li tirrappreżentahom.

Il-kumpanija tat-trasport pubbliku bħalissa tirrikonoxxi lill-General Workers’ Union bħala l-union li tirrappreżenta lix-xufiera, iżda l-UĦM qed titlob li jsir eżerċizzju ta’ verifika li twaqqaf mill-Qorti wara li ntlaqgħet talba mressqa mill-GWU.

Fid-dawl ta’ dan, il-Malta Public Transport kienet qed tgħid li l-istrike li sar il-Ħamis kien wieħed illegali, bil-UĦM twieġeb li kellha kull dritt li tordna l-azzjonijiet wara deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali filwaqt li akkużat lill-kumpanija li qed thedded lill-Ħaddiema b’passi dixxiplinarji talli attendew għal laqgħa li organizzat għalihom fil-ħin tal-istrajk.

Waqt il-laqgħa Josef Vella qal li l-Malta Public Transport tibża’ li l-UĦM tiġi madwar il-mejda tad-diskussjoni. Kien hawnekk li qal li l-UĦM se tkompli tirsisti biex il-UĦM issib ruħha madwar il-mejda tad-diskussjoni. Dwar dan il-kaz, il-UĦM ikkundannat ukoll ċirkolari li ntbgħatet mill-istess kumpanija li fiha x-xufiera ġew mhedda li jekk jimxu mad-direttiva tal-UĦM se jitressqu quddiem il-bord tad-dixxiplina.

Waqt il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella appella lil dawk preżenti biex ma jkunux intimidat u biex ikomplu jiġġieldu għad-dritt tagħhom li jsir proċess demokratiku li permezz tiegħu isir magħruf liema union tgawdi l-maġġoranza tal-appoġġ.

Intant, wara li sar l-istrajk ta’ sagħtejn, il-Malta Public Transport qalet li ma kienx hemm tfixkil kbir fis-servizz tat-trasport pubbliku filwaqt li skużat ruħha għal kull inkonvenjent li seta’ nħoloq.