Grupp ta’ Imams u skulari reliġjużi fil-Kanada ħarġu interdett, magħruf bħala ‘fatwa’, kontra t-terroristi tal-ISIS, filwaqt li kkundannaw it-theddida tal-ISIS kontra l-pajjiż partikolari. Ir-reliġjużi Iżlamiċi, fl-istess ħin, ikkundannaw l-intenzjonijiet tal-ISIS ‘biex jirreklutaw aktar Kanadiżi għall-iskopijiet tal-ġiħad’.
Il-‘fatwa’, li intbagħtet fuq l-Internet, għandha wkoll l-appoġġ ta’ Imam Amerikan minn Texas. Intant, it-38 skulari Kanadiżi jsostnu li ‘kwalunkwe attakk fuq il-Kanada jrid jitqies ukoll bħala attakk fuq il-liberta tal-Musulmani Kanadiżi’.
L-Imams u l-iskulari anki jipprojbixxu lill-Musulmani milli jissieħbu mal-ISIS jew li jħajru lil ħaddieħor biex jiġġieled għall-kawża qerrieda tat-terroristi. Ir-reliġjużi Iżlamiċi enfasizzaw li ‘kulmin jgħin liż-żgħażagħ Musulmani biex, fost oħrajn, jivvjaġġaw minn taħt jew mingħajr il-kunsens tal-ġenituri bl-iskop li jissieħbu mal-ISIS għandhom iħossu r-rabja ta’ Allah f’din id-dinja u fl-oħra’.
//= $special ?>