Qorti

Godwin Sant akkużat b’evażjoni ta’ taxxa u ħasil ta’ flus

L-eks Uffiċjal tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) Godwin Sant ġie mixli b’evażjoni ta’ taxxa, ħasil ta’ flus u użu ħażin tal-kompjuter. Godwin Sant kien ġie sospiż wara allegazzjonijiet li xxandru fuq il-media, li aċċetta rigali mingħand Trafigura. Sant, ta’ 44 sena min-Naxxar, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-Avukat Edward Gatt, li deher għal Sant, sostna li kien se jagħmel talba għal-libertà proviżorja. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Jonathan Ferris, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, qal fil-Qorti li fit-18 ta’ Jannar li għadda l-Pulizija kienet arrestat lil Godwin Sant, li ngħata l-police bail kemm-il darba qabel kien konkluż li kien hemm biżżejjed provi biex jitressaq il-Qorti.

Dwar il-ħelsien mill-arrest, l-Ispettur Ferris qal li kien se jħalli f’idejn il-Qorti. Madankollu, hu talab li jekk jingħata l-libertà proviżorja, il-Qorti għandha timponi l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa. Fl-istess waqt, saret ukoll it-talba għall-iffriżar tal-assi kollha minħabba l-akkuża ta’ ħasil ta’ flus, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, laqgħet it-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jsifirx, ma jkellimx lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni, jirrapporta fl-Għassa tan-Naxxar darbtejn fil-ġimgħa u li jagħmel garanzija personali ta’ €10,000.

Fil-jiem li ġejjin, Godwin Sant se jibda għaddej kumpilazzjoni dwar il-każ.