Approva żidiet fil-ħlasijiet għas-servizzi tal-Gvern mingħajr ma stenna l-approvazzjoni tal-Parlament
Dan hu stil ta’ gvern li għalih hu ħafna aktar importanti kif jidher milli mis-sustanza. Dak li ma qalx fil-Baġit f’Novembru li għadda qed jippreżentah illum f’liġi li mill-bidu sal-aħħar qed iżżid id-dħul għall-Gvern minn fuq il-poplu
Il-Gvern lanqas biss kellu diċenza jistenna l-proċess tal-Parlament biex jimplimenta l-miżuri tal-Baġit biex jintroduċi ż-żieda qawwija fil-ħlasijiet ta’ 400 servizz mogħtija mid-dipartimenti tal-Gvern, u ddeċieda li b’għaġla jippubblika avviżi legali biex ma jistennix l-approvazzjoni tal-Parlament.
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immigrazzjoni, ikkritika fil-Parlament lill-Gvern għall-għaġla li wera u għan-nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-Parlament meta numru kbir mis-servizzi li joffri l-Gvern diġà għollihom u daħlu fis-seħħ.
Meta tkellem fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit, Francis Zammit Dimech qal li minflok ma l-Gvern għamel eżerċizzju serju dwar is-servizzi li joffri u l-operat tagħhom, iddeċieda li jżid id-dħul tiegħu mis-servizzi li joffri lill-pubbliku b’medja ta’ 10%.
Il-Gvern ħeba mill-poplu dak li ma tkellimx dwaru fil-Baġit
Sejjaħ bħala falz it-titlu tal-liġi għaliex il-Gvern ħeba dak li ma tkellimx dwaru fil-Baġit. Dan hu stil ta’ gvern li għalih hu ħafna aktar importanti kif jidher milli mis-sustanza.
Il-Liġi li jrid il-Gvern japprova u li qed jiddiskuti bħalissa fil-Parlament, qal id-Deputat Nazzjonalista, hi liġi li qed juri li jagħti kas biss kif se jintaxxa lil kulħadd. Liġi li qed titnaxxa 400 servizz li joffri l-Gvern. Liġi li qed iżżid u mhux tnaqqas il-burokrazija. Liġi li mill-bidu sal-aħħar qed iżżid it-tariffi tal-Gvern u żżid id-dħul minn fuq il-poplu.
Irrimarka kif b’dak li diġà għamel il-Gvern bl-Avviżi Legali li daħħlu fis-seħħ diġà numru kbir ta’ żidiet fis-servizz tal-Gvern, fl-istadju ta’ Kumitat il-Gvern jista’ jelimina t-tieni u t-tielet parti tal-Abbozz ta’ Liġi.
Żidiet qawwija fit-tariffi għall-kawżi fil-Qrati
Tkellem ukoll dwar iż-żidiet qawwija fit-tariffi għall-kawżi fil-Qrati li l-Gvern diġà beda jinfurzahom qabel ma kellu l-awtorità legali mill-Parlament, bl-avukati jiffirmaw protest ġudizzjarju kontra l-Gvern għas-sistema mħawda u konfuża li ħadd ma kien jaf kif għandu jimplimenta.
Francis Zammit Dimech qal li issa l-Gvern stess se jkollu jaqa’ fl-assurdità li jirtira dak li ppropona li jagħmel fil-Parlament għaliex dak li qed jipproponi diġà wettqu.
Liġi b’120 paġna b’tariffi u taxxi ġodda jew mibdula biex jogħlew, u permezz tal-avviżi legali li għamel, il-Gvern diġà implimenta 14% tal-Abbozz ta’ Liġi li l-Parlament għadu jiddiskuti u m’approvax. Taxxi li ddaħħlu qabel ma approva l-Parlament.
Gvern nieqes mis-sensittività
Ikkritika lill-Gvern li ma kienx sensittiv dwar liema miżuri kellhom jiżdiedu. Hemm żidiet ta’ tariffi marbuta mas-servizzi li jingħataw fiċ-ċimiterji, bħalma hu l-ġarr tal-fdalijiet ta’ persuna minn qabar għal ieħor, tindif ta’ oqbra, u fuq servizzi ta’ membri tas-sigurtà li joqogħdu għassa sad-difna.
Gvern li bit-taxxi ogħla li qed idaħħal, qed ikompli jintaxxa aktar lill-poplu fuq iċ-ċertifikati kollha mit-twelid sal-mewt. Żidiet ukoll fit-tiġdid tal-passaporti, u semma kif bejn Jannar u Marzu, u Settembru u Diċembru, tibqa’ t-tariffa li kien hemm qabel filwaqt li fix-xhur bejn April u Awwissu r-rata togħla aktar.
Semma wkoll żidiet fil-ħlasijiet għal permessi ta’ residenza; għal talbiet quddiem il-Bord tal-Kera; żidiet ukoll fuq il-liċenzji kollha li jinħarġu mill-Pulizija, u saħansitra anke żidiet fuq it-tagħsir taż-żejt taż-żebbuġ.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li ħalla servizzi antikwati u li llum ma japplikaw għal ħadd, u flok ma kienu eliminati dawn se jibqgħu xorta fil-liġijiet tal-pajjiżna.
Dawn huma miżuri u taxxi, saħaq Francis Zammit Dimech, biex il-Gvern jieħu aktar mingħand kulħadd.
//= $special ?>