Il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-union li għandha l-maġġornza fil-Free Port se tkun deċiża mit-tribunal industrijali f’laqgħa li se ssir nhar it-Tnejn.
Din il-kwistjoni kienet trattata f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Free Port mill-GWU u fi stqarrija mill-UĦM.
Quddiem din il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-ħaddiema, il-GWU tat direttiva lill-ħaddiema biex ma jaħdmux fuq makkinarju li hu kkunsidrat perikoluż u difettuż. Tony Zarb allega li l-UĦM ma tridx taċċetta r-riżultat tal-verifika u akkuża lill-management li qed jaħdem biex tkun aġevolata l-UĦM.
Fit-tweġiba taghha, l-UĦM qalet li joħroġ biċ-ċar li għall-GWU, ir-rikonoxximent jista’ jsir kemm wieħed ifaqqa’ subgħajh.
Il-UĦM ilha tisħaq biex il-proċess tal-verifika jsir mid-Dipartiment tal-Relazzjonijiet Industrijali u mhux minn terzi persuni. Din hi l-proċedura li dejjem intużat u l-UĦM sostniet li mhux aċċettabli li l-GWU tiddetta xi proċeduri ġodda.
Il-UĦM tiċħad dak li ntqal minn Tony Zarb li jekk ir-riżultat tal-verifika jkun kontriha ma taċċettahx.
Tant hu hekk, li meta s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella laqqa’ lill-ħaddiema tal-Malta Freeport nhar is-Sibt li għadda, hu qal b’mod ċar li l-UĦM tbaxxi rasha għad-deċiżjoni tal-ħaddiema, sakemm il-proċess isir bil-proċedura normali u trasparenti.
Il-management tal-Malta Freeport ħa din il-kwistjoni quddiem it-Tribunal Industrijali u għaldaqstant il-UĦM tistenna r-riżultat ta’ dan it-tribunal.
//= $special ?>