Internazzjonali

Il-Parlament Libjan rikonoxxut ma jieħux sehem f’taħditiet

In-Nazzjonijiet Uniti fetħet round ġdid ta’ konsultazzjonijiet mal-politiċi Libjani biex jiddiskutu l-kriżi tal-Libja. Madankollu, il-Parlament Libjan li jgawdi l-għarfien minn barra pajjiżu ma attendiex wara li kien talab għall-posponiment tal-eżerċizzju.

Mifhum li ‘attendew biss’ għat-taħditiet id-delegati tal-Parlament ta’ Tripli li hu appoġġjat mill-Iżlamiċi. Dan meta l-Gvern li għandu s-sede f’Tobruk u li hu rikonoxxut minn barra l-Libja qal li jeħtieġ almenu ġimgħa oħra biex jipprepara għal-laqgħa.

Il-Mexxejja tal-Punent jappoġġjaw it-taħditiet sponsorjati min-NU bħala l-unika opportunita biex tintemm il-kaos tal-Libja fejn il-Gvernijiet rivali qed jikkumbattu lil xulxin għall-kontroll tal-pajjiż.

It-taħditiet qed jimmiraw għal Gvern li jaħdem lejn l-għaqda fost il-Libjani u li jista’ jwassal għal waqfien mill-ġlied permanenti fil-Libja. Iżda hu minnu li l-Gvern ta’ Tobruk u l-Gvern tal-Iżlamiċi, fi Tripli, fil-preżent, qed jitrattaw id-diżgwid intern b’kaġun tan-negozjati.

Intant, kompla l-ġlied bejn il-qawwiet ta’ Tobruk u tal-amministrazzjoni fi Tripli, bis-sorsi tan-Nazzjonijiet Uniti jikkonfermaw li r-Rappreżentant tan-NU għal-Libja, Bernardino Leon, beda l-aħħar sessjoni ta’ taħditiet mad-delegati Libjani fl-inħawi ta’ Skhirat, fil-Marokk.