Lokali

Jitwal imnieħer il-Prim Ministru…

L-iskandlu tal-Cafè Premier qabad lill-Prim Ministru Joseph Muscat fuq sieq waħda. Kobba mħabba mgħaġna sa mill-eqqel tal-kampanja elettorali li għaddiet u konkluża f’ħakka t’għajn wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista. Għal mument storja arkivjata.

Imma d-dnub ma jorqodx u fil-jiem li għaddew din id-deal b’involviment dirett tal-Prim Ministru Joseph Muscat qajjem rasu u ta’ kuljum qed jirriżultaw fatti ġodda li mhux biss iqanqlu aktar u aktar mistoqsijiet dwar il-korrettezza ta’ kif saru l-affarijiet, iżda jinstigaw ukoll tħassib.

Il-fatti huma ċari daqs il-kristall, kif espressi wkoll mill-Awditur Ġenerali fir-Rapport tiegħu mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Numru ta’ irregolaritajiet li ma messhom saru qatt. Fost l-akbar l-indħil dirett tal-Prim Ministru Joseph Muscat fin-negozjati ma’ Mario Camilleri f’isem Cities Entertainment. Negozjati li wasslu biex Cities Entertainment ingħatat €4.2 miljun biex il-Gvern seta’ jakkwista lura l-utile dominium taċ-ċens temporanju tal-fond ta’ Cafè Premier.

Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Awditur Ġenerali jgħid li:
• Għalkemm l-ammont imħallas mill-Gvern jirrifletti l-valur tas-suq, dan mhux neċessarjament li ssarraf f’valur għall-flus;
• Ma tqisux possibbiltajiet oħrajn fosthom li setgħet ġiet ikkunsidrata azzjoni legali, liema azzjoni l-Gvern kien beda, iżda li ma kompliex u ma ngħatatx ġustifikazzjoni ċara għaliha, bil-konsegwenza li nħoloq nuqqas ta’ trasparenza;
• ‘Nuqqas sinjifikanti’ li ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni l-objettivi li elenka l-Gvern biex suppost jiġġustifika l-akkwist tal-proprjetà, u anke l-ħlas ta’ 5% f’kummissjonijiet jew senserija fuq il-valur totali tat-transazzjoni li kien ta’ €4.2 miljun;
• Tmexxija dgħajfa tal-Gvern, nuqqas ta’ trasparenza u good governance, meta tħallsu kummissjonijiet minn flus il-poplu li qatt ma kellhom jingħataw;
• L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għandu riservi dwar il-mod kif sar l-akkwist tal-Cafè Premier;
• Nuqqas ta’ konsiderazzjoni u dokumentazzjoni ta’ possibbiltajiet oħra li setgħu ġew meqjusa li illimitaw lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali milli jgħid jekk l-iskop tal-valur għall-flus intlaħaq;
• L-aġir naqqas mil-livell ta’ trasparenza mistenni f’deċiżjonijiet bħal dawn, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li l-kerrej, Cities Entertainment Ltd, kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kera;
• Ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni l-objettivi tal-Gvern għall-akkwist tal-Café Premier u dan ġie deskritt nuqqas sinjifikanti;
• Il-pagament ta’ €210,000 lil M&A Investments Ltd kien pagament lil intermedjarju, jiġifieri senserija jew ħlas ta’ kummissjoni, ekwivalenti għal ħamsa fil-mija tal-valur tat-trasferiment ta’ €4.2 miljun, u għall-Awditur Ġenerali l-pagament ta’ €210,000 ma kellux jifforma parti mill-ftehim mal-Gvern;
• Ir-relazzjoni bejn CE u M&A Investments Ltd kienet kwistjoni privata, u l-Gvern ma kellu l-ebda rabta ma’ din l-aħħar kumpanija.

Il-pressjoni mill-media wasslet għal ħafna għaġġla
Fid-dawl ta’ dan kollu, u anki tal-pressjoni mill-media, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel diversi reazzjonijiet. Qal li għaġġel bħal qisu xi fenek. Insomma f’temp ta’ ġimgħa waħda biss il-Prim Ministru għamel għaxar gidbiet:
1. Qed jigdeb meta jgħid li l-proċess biex jittieħed il-Café Premier lura bil-Qorti kien proċess li se jtawwal. L-Awditur Ġenerali, bl-aktar mod ċar jgħid li din kellha tkun it-triq li kellu jieħu l-Gvern.
2. Qed jigdeb meta jgħid li s-somma ta’ €4.2 miljun tħallset biex jitneħħa l-periklu minn taħt il-Biblijoteka Nazzjonali. L-Awditur Ġenerali jgħid ċar u tond li ma jeżistix periklu. Mario Camilleri qal li l-fran jaħdmu bl-elettriku u mhux bil-gass.
3. Qed jigdeb meta jgħid li l-binja se terġa’ tgħaddi lura lill-pubbliku. Sena wara, il-post għadu magħluq u l-Ministru tal-Kultura m’għandux idea dwar x’għandu jsir mill-post.
4. Qed jigdeb meta jgħid li l-post hemm bżonnu biex ikun hemm aċċess aħjar għall-Biblijoteka Nazzjonali. Din hi skuża fjakka li twarrbet għalkollox mill-Awditur Ġenerali.
5. Qed jigdeb meta jgħid li din il-materja ġiet diskussa fil-Kabinett. Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali joħroġ ċar li l-Kabinett kien biss ‘rubberstamp’ u ma ngħata ebda dettall dwar in-negozjati u l-laqgħat li kellu Joseph Muscat.
6. Qed jigdeb meta jgħid li huwa ltaqa’ darbtejn biss ma’ Mario Camilleri, meta l-istess Mario Camilleri qed jgħid li ltaqa’ tliet darbiet ma’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni.
7. Qed jigdeb meta jgħid li l-Café Premier m’għandux jiġi kkummerċjalizzat, meta fil-Memo tal-Kabinett hu kien ġab l-iskuża li l-Gvern kellu joħroġ €4.2 miljun biex ikun jista’ jikkummerċjalizzah.
8. Qed jigdeb meta jgħid li refa’ r-responsabbiltà politika billi ħalla lill-Awditur Ġenerali jinvestiga dan l-iskandlu. L-Awditur Ġenerali investiga dan l-iskandlu fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni u Joseph Muscat ma kellux il-jedd li jwaqqfu.
9. Qed jigdeb meta jgħid li qabel l-elezzjoni ġenerali, din il-bailout ma ġietx diskussa ma’ Mario Camilleri. Il-Café Premier għalaq dakinhar li Joseph Muscat rebaħ l-elezzjoni, ftit ġranet wara Joseph Muscat u Mario Camilleri ltaqgħu u ftit wara, il-Gvern ħallas is-somma ta’ €4.2 miljun.
10. Qed jigdeb meta jgħid li ma ndaħalx fil-proċess ta’ negozjati għall-akkwist tal-Café Premier. Mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, jirriżulta li kien Josephj Muscat stess li beda u mexxa n-negozjati ma’ Mario Camilleri.