Internazzjonali

Joffru li jinterrogaw lil Julian Assange f’Londra

Il-Prosekuturi Żvediżi qed jissuġġerixxu li jmorru Londra biex jinterrogaw lill-fundatur ta’ Wikileaks, Julian Assange, rigward allegazzjonijiet ta’ stupru u abbuż sesswali li żewġ nisa kienu ressqu fil-konfront tiegħu wara li huma ltaqgħu miegħu fl-Iżvezja.

Il-prosekuturi qabel kienu insistew li jinterrogaw lil Assange fl-Iżvezja wara li stinkaw għall-arrest tiegħu fl-2010.

Sadanittant, Julian Assange ċaħad l-allegazzjonijiet u ilu mill-2012 residenti fl-ambaxxata tal-Ekwador, f’Londra. Hu qed jinkwieta li jekk jintbagħat l-Iżvezja, jista’ jkun estradit lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċja akkużi oħra b’rabta mal-fatt li kien żvela materjal sigriet u sensittiv.

Assange hu ġurnalista Awstraljan u kofundatur tal-websajt Wikileaks, li fl-2010 ppubblika d-dokumenti militari u diplomatiċi tal-Istati Uniti. Intant, Assange ilu minn dak iż-żmien investigat min-naħa tal-Amerikani.

Min-naħa tiegħu, Per Samuelson, li hu wieħed mill-avukati ta’ Assange, laqa’ tajjeb il-fatt li l-Iżvediżi se javviċinaw lill-klijent tiegħu. Samuelson sostna li Assange lest biex jikkoopera bis-sħiħ rigward l-allegazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu u li l-aħħar żviluppi huma wkoll rebħa kbira għall-kofundatur ta’ Wikileaks.

Il-prosekutur ewlieni Żvediz, intant, spjega li l-bidla ta’ strateġija jew ‘u-turn’ fil-każ ta’ Assange hi dovuta għall-fatt li xi akkużi potenzjali kontra Assange m’għandhomx jibqgħu validi u effettivi taħt l-istatut tal-limitazzjoni li jiskadi f’Awwissu.