Lokali

Konrad Mizzi sodisfatt bir-rapport ta’ Standard and Poor’s dwar l-Enemalta

Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi jesprimi sodisfazzjon li rapport pubblikat minn Standard and Poor’s juri li s-settur tal-enerġija f’Malta hu wieħed stabbli.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Ministru tal-Enerġija qal li Standard and Poor’s kienu pożittivi dwar l-andament tal-Enemalta fuq bażi individwali bħala entità.

Dwar il-generation mix, issa li l-gvern iddeċieda kontra l-windfarms, il-Ministru Mizzi semma l-użu tal-biofuel u tal-enerġija solari fejn se jintużaw bjut u barrieri biex il-pajjiż ikun jista’ jilħaq il-mira ta’ produzzjoni ta’ 10 fil-mija tal-enerġija rinovabbli sal-2020.

Il-Ministru Mizzi qal ukoll li l-Memorandum of Understanding li l-gvern iffirmat mal-Gvern tal-Azerbaijan se jkun impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ġimgha d-dieħla. “Dan se jkun dokument ġeneriku”, sostna l-Ministru Mizzi.

Mistoqsi kif il-konsumatur Malti qed jibqa’ jħallas fost l-ogħla prezzijet tal-petrol u d-diesel, il-Ministru Mizzi qal li l-prezzijiet huma bħal tal-medja Ewropea.

Il-Ministru Mizzi sostna li llum Malta hi fuq quddiem fost il-pajjiżi li għandhom is-saħħa li jiffurmaw opinjoni fis-settur internazzjonali tal-enerġija.