Il-Gvern ta’ Muscat ġebbed il-kriterji ta’ impjiegi mal-Gvern fuq il-bażi ta’ persuni ta’ fiduċja biex mela d-Dipartimenti u l-awtoritajiet awtonomi f’diversi karigi mingħajr sejħa għal applikazzjoni. Minn Tweġiba Parlamentari jirriżulta li erba’ Ministeri impjegaw bejniethom 64 persuna bħala persuni ta’ fiduċja f’impjiegi li jvarjaw minn cleaners, persuni li jieħdu ħsieb il-klieb, messaġġiera u persuni fil-kostitwenza.
Madankollu, il-kuntratti ta’ persuni li jkunu impjegati bħala persuna ta’ fiduċja huma regolati bi kriterji preċiżi maħruga mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tal-Amministrazzjoni Pubblika. Ir-Regolamenti jgħidu li Ministeri jistgħu jingaġġaw persuni fuq bażi ta’ fiduċja “f’każi eċċezzjonali. F’kull każ, dawn għandhom ikunu ingaġġati fuq kuntratt definit u persuni maħtura f’dawn il-kriterji mhumiex eliġibbli jkunu tal-post fuq din il-bażi ta’ fiduċja”.
Ir-regolamenti jkomplu li dawn it-tip ta’ persuni jkunu “ingaġġati biex jaħdmu direttament mal-Ministru jew Segretarju Parlamentari biex jagħtu pariri fuq il-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom”, kif ukoll li huma kienu ingaġġati bħala persuni ta’ fiduċja minħabba li n-natura speċjalizzata tax-xogħol “jagħmilha diffiċli li timtela’ b’sejħa normali għal applikazzjonijiet”. Ir-Regolamenti tal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fis-Servizz Pubbliku jistipulaw li l-ingaġġ ta’ persuni fuq bażi ta’ fiduċja irid “ikun sostanzjat b’ġustifikazzjoni b’saħħitha u li hemm il-fondi biex ikopru iż-żmien tal-ingaġġ”.
Dawn il-kuntratti jeħtieġu l-approvazzjoni diretta tal-Prim Ministru fuq rakkomandazzjoni tal-Kap tas-Servizz Pubbliku.
//= $special ?>