Internazzjonali

L-attur Stephen Collins fiċ-ċentru ta’ skandlu ta’ pedofelija

Dawn huma żmenijiet problematiċi għall-attur veteran Amerikan, Stephen Collins, li spiċċa fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet dwar atti indiċenti fil-konfront tat-tfajliet taħt l-eta.

Id-detektivs ta’ Los Angeles ilhom mis-sena l-oħra qed jinvestigaw lill-attur — magħruf għas-sensiela televiżiva ‘7th Heaven’ — b’konnessjoni mal-allegazzjonijiet li jmorru lura għall-bidu tas-snin tmenin. Dan wara li l-eks-mara ta’ Collins għamlet tape fejn l-attur jinstama’ jammetti li kien abbuża tliet tfajliet taħt is-sittax il-sena bejn l-1973 u l-1994.

Waħda minn dawn it-tfajliet jisimha April Price u qalet li hi għaddiet minn esperjenza kerha waqt li, fl-1983, kienet qed tqatta l-btajjel tas-sajf għand iz-zija tagħha li kienet produttur tal-films u waħda mill-ġirien ta’ Collins, f’Los Angeles.

Price, illum omm ta’ 44 sena u residenti f’Oklahoma, irrankutat għall-ewwel darba l-aġir tal-attur fil-konfront tagħha u meta darba, waqt li hi kienet qed tipprepara l-ikel fil-kċina ta’ zijitha kienet rat lil Collins miexi ‘mingħajr ħwejjeġ’ fil-bitħa tal-komun.

Meta rrakkuntat il-każ lil waħda mill-ġirien, Price ‘spiċċat taċċetta l-ispjegazzjoni li Stephen Collins kien qed jaħdem fuq film fi Franza’. Iżda meta, ftit tal-jiem wara, hi kienet talbet lill-attur biex jgħinha tarma ‘console’ tal-Atari għand zijitha, l-attur ħa l-opportunita biex iwettaq att indiċenti quddiemha. April Price sostniet li hi, dak iż-żmien, ma kellha esperjenza ta’ xejn u ippreferiet li tilgħabha ‘daqslikieku ma seħħitx xi ħaġa serja’.

Hi baqgħet ma semmiet xejn lil żijitha iżda rrakkuntat li darb’oħra, meta kienet fl-appartament ta’ Collins, dan qabad u neża’ ħwejġu kompletament fil-preżenza tagħha. April ħassitha xxukkjata ferm u indunat ‘li kien hemm xi ħaġa kompletament ħażina’, iżda ‘b’xorti tajba’ hi, dak il-ħin, ħarset lejn it-tieqa u rat lil zijitha fuq barra u telqet tiġri għal ħdejha. It-tifla xorta ma rrakkuntat xejn lil zijitha, li, dakinar , kienet ‘ferm irrabjata’ għall-fatt li n-neputija u Stephen Collins kienu t-tnejn waħedhom ġol-appartament tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Collins qed jgħid li ‘erbgħin sena ilu, hu wettaq xi ħaġa ħażina li jiddispjaċih ħafna għaliha u li ilu s-snin jipprova jpatti għan-nuqqas’. L-attur saħaq li ddeċieda li jindirizza l-kwistjoni għaliex, xi xhur ilu, l-entitajiet tal-aħbarijiet ippubblikaw recording li għamlet l-eks-mara tiegħu, Faye Grant, waqt sessjoni kunfidenzjali tat-terapija taż-żwieġ. Ir-recording ta’ Jannar tal-2012, fi kliem Collins, kien seħħ ‘mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tiegħu u tat-terapista’.

Is-sensiela ‘7th Heaven’ għalqet fl-2007 wara ħdax il-staġun, bl-attur Stephen Collins ilu mis-snin sebgħin jinterpreta l-karattri għal produzzjonijet tat-televiżjoni u ċ-ċinema. Hu kellu partijiet fil-films ‘All the President’s Men’ u ‘Star Trek: The Motion Picture’ waqt li (wara ‘7th Heaven’ ) deher ukoll fis-sensiliet ‘No Ordinary Family’; ‘Revolution’ u ‘Devious Maids’.