Internazzjonali

L-ekonomija u s-sitwazzjoni soċjali qed jaqilbu għall-agħar fl-Ażerbajġan

Il-pjani ekonomiċi tal-Gvern Ażeri immexxi mill-President Ilham Aliyev daħlu fi sqaq wara li l-prezzijiet taż-żejt prodott minn dan il-pajjiż naqsu b’aktar minn 50 fil-mija mill-massimu tal-valur irreġistrat fis-sajf tal-2014. Dan hu rifless ukoll mill-fatt li l-Bank Ċentrali tal-Ażerbajġan ma jistax iżomm aktar l-istabbilta tal-kambju li qed jikkrolla.

Sadanittant, il-poplu tal-Ażerbajġan intlaqat ħażin bl-iżvalutar tal- manat, il-munita Azeri, bit-tnaqqis fil-prezz taż-żejt iġib miegħu telf ta’ impjiegi.

It-tnaqqis fil-prezz taż-żejt għabba piż kbir fuq il-finanzi tal-Gvern meta dan ir-riżors u l-gass qed jagħmlu tajjeb għal 95 fil-mija tal-esportazzjoni mill-Ażerbajġan, kif ukoll għal 75 fil-mija mid-dħul tal-Gvern u 40 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP).

Fil-21 ta’ Frar, il-Bank Ċentrali tal-Ażerbajġan ixxokkja lill-pajjiż meta ħabbar li l-manat kien iddgħajjef b’34 fil-mija fil-konfront tad-dollaru, fost l-akkużi li din l-istituzzjoni kienet ‘qarrqet bid-deputati f’Baku u bil-poplu Ażeri kollu’.

Il-pressjoni fuq il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Elman Rustamov, kienet ilha tiżdied għal xhur, bil-prezz taż-żejt li jipproduċi l-Ażerbajġan qed jonqos b’ritmu ġmielu u bil-kambju tal-ġirien – fosthom ir-rubli tar-Russja, il-lari tal- Ġorġja u l-lira Torka ukoll jirreġistraw tnaqqis sinifikanti.

Sakemm tħabbret ir-rata tal-kambju ġdida il-politiċi Ażeri kienu insistew li l-Gvern tagħhom ma kellux jidħol għal eżerċizzju kbir ta’ żvalutazzjoni. Iżda llum qed naraw bil-kontra ta’ dak li qal il-President Aliyev, li, kmieni fis-sena, ftaħar fil-Parlament ‘li l-istabbilta tal-manat qed turi s-suċċess tal-politika ekonomika tal-Ażerbajġan’.

Fl-istess ħin, Gubad Ibadoglu, ekonomista indipendenti li jmexxi think-tank f’Baku, bl-isem ‘Economic Research Centre’, qal li t-tnaqqis fid-dħul miż-żejt qed iġiegħel il-kumpanniji tal-Istat (Ażeri) biex inaqqsu l-ħaddiema.

‘L-ekonomija u s-sitwazzjoni soċjali fl-Ażerbajġan qed jaqbilu għall-agħar minn ġurnata għall-oħra u l-Gvern ta’ Aliyev ma kellux għażla oħra ħlief li jiżvaluta l-manat’, sostna Ibadoglu.

It-tnaqqis fid-dħul miż-żejt qed iżid il-problemi għall-Gvern Ażeri li l-baġit tiegħu għall-2015 tfassal skont il-premessa li s-SOFAZ — il-Fond taż-Żejt tal-Istat li jirċievi l-qligħ mill-interessi tal-Gvern fis-settur tal-enerġija – din is-sena kellu jiffinanza ftit aktar min-nofs il-flus allokati għalih.