Lokali

L-eks raġel ta’ Silvana Muscat xahar ilu ammetta li ta fastidju lil martu

Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal In-Nazzjon żvela l-identità ta’ Mhammed Nooreddin, il-Libjan suspettat mill-Pulizija li qatel lil Silvana Muscat, ta’ 36 sena residenti x-Xemxija. Muscat instabet mejta lbieraħ minn oħtha, mixħuta fuq is-sodda tal-appartament tal-ġenituri tagħhom fi Triq l-Isponoż f’Buġibba. Hi nqatlet b’ħames daqqiet ta’ sikkina, li lbieraħ instabet mill-Pulizija fl-appartament stess.

Fil-bidu tax-xahar li għadda, Nooredin ammetta fil-Qorti li ta fastidju lil martu Silvana. Huma kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni wara anqas minn sena minn meta żżewġu biċ-Ċivil fit-8 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet. Fit-3 ta’ Frar li għadda, il-Qorti ordnat lil Nooredin biex ma jersaqx lejn martu wara li ammetta l-akkużi li fil-31 ta’ Jannar taha fastidju u anke għamel ħsara fil-propjetà tagħha.

Is-seduta tat-3 ta’ Frar kienet ħadet biss ftit minuti. Dakinhar, il-Libjan kien iddikjara li ma jaħdimx u għażel li jammetti l-akkużi ħalli l-proċess ġudizzjarju ma jieħux fit-tul. Hu kien ingħata sentenza ta’ sitt xhur priġunerija sospiżi għal sentejn, kif ukoll kien ordnat biex ma jersaqx lejn martu fuq garanzija personali ta’ €1,000.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace, li kien qed jiddefendi lil Nooreddin, qal li dak li kien wettaq il-Libjan kien fil-kuntest tal-proċess tas-separazzjoni. Kien sostna li Nooreddin kien ikkollabora mal-Pulizija u anke kellu kondotta nadifa. Fil-ġimgħat li għaddew, Silvana kienet għamlet seba’ rapporti kontra żewġha dwar vjolenza domestika.