Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, fi stqarrija, irreaġixxiet għal dak li ħareġ dan l-aħħar fil-Parlament dwar il-possibiltà ta’ privatizzazzjoni taċ-ċentri tas-saħħa f’Bormla u f’Ħal Kirkop, u tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Waqt li spjegat li s’issa ma għandha ebda informazzjoni u lanqas ftehim dwar xi imprendituri privati li se jużaw l-infermieri tagħhom, l-MUMN qalet li jekk dawn jiġu pprivatizzati se jiswew iktar lil min iħallas it-taxxa. Qalet li ma tistax tifhem għalfejn servizzi ta’ kura primarja u tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex għandhom jingħataw bħala xi tip ta’ “rigal” lil xi kuntrattur privat.
L-MUMN għamlitha ċara li ebda infermier jew qabla membru tagħha m’huma se jiġu ssekondati lil xi entitajiet privati f’Malta jew f’Għawdex u li din mhix xi ħaġa li tista’ tiġi nnegozjata. Allegat li hu ċar ħafna li hemm xi ħaġa li qed tinħema minn wara dahar kulħadd.
Insistiet li jekk ħa jkun hemm xi privatizzazzjoni, dan għandu jsir b’infermiera barranin u li dan se jwassal biex is-servizz ma jkunx sigur għall-pazjenti. Insistiet li l-istandards ta’ sigurtà ma jistgħux jiġu ggarantiti jekk jiġu impjegati biss infermiera barranin, minħabba diffikultajiet fil-lingwa. Għalhekk, saħaq il-President Paul Pace, kull diskors jew deċiżjonijiet meħuda dwar privatizzazzjoni, minn wara dahar l-MUMN, huma “letteralment għalxejn” u ma jistgħux iseħħu.
Għalhekk l-MUMN qed titlob laqgħa urġenti mal-Ministru tas-Saħħa biex tiċċara s-sitwazzjoni dwar privatizzazzjoni.
//= $special ?>