Lokali Saħħa

Mewt oħra fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei – Żewġ imwiet f’inqas minn 24 siegħa

F’inqas minn 24 siegħa fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei mietu żewġ anzjani oħra, wieħed anzjan miż-Żejtun li miet nhar l-Erbgħa u l-oħra anzjana li mietet tard ilbieraħ filgħodu.

Dawn iż-żewġ każi ġodda jkomplu jkabbru n-numru ta’ anzjani li fl-aħħar xhur tħallew jagħlqu għajnejhom f’xi kuritur jew ieħor tal-Isptar Mater Dei… bla dubju mewta xejn dinjituża għal dawn l-anzjani tagħna li tweġġa’ mhux biss lill-familjari u lill-qraba ta’ dawn l-anzjani, imma anki lill-istaff mediku.

Fl-aħħar xhur, anki minħabba l-kesħa li laqtet lill-gżejjer Maltin, l-għadd ta’ pazjenti f’xi wieħed mill-kurituri tal-Isptar Mater Dei żdiedu qatigħ u numru minnhom baqgħu mingħajr ma nstabitilhom sodda f’xi sala jew oħra bir-riżultat li dawn mietu fil-kuritur fejn kienu qed jinżammu mingħajr ebda privatezza ta’ xejn.

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi waħda gravi ħafna u infermiera li lbieraħ tkellmu ma’ maltarightnow.com komplew juru l-preokkupazzjoni tagħhom li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet fejn anzjani jitħallew imutu fil-kuriduri minkejja l-qagħda ċara ta’ saħħithom li ma jkunux għal magħna.

“Jiġifieri lil dawn il-persuni, tal-inqas fl-aħħar ta’ ħajjithom, għandha tinstabilhom sodda f’xi sala jew oħra biex jagħmlu mewta dinjituża u kif tixraq lil kull bniedem. Ħadd ma jieħu gosta jara qraba tiegħu, forsi saħansitra lil xi wieħed mill-ġenituri, jitħallew imutu f’xi wieħed jew ieħor mill-kurituri,” qaltilna infermiera li ilha toffri servizz fil-qasam mediku bosta snin.

Hi kompliet li hi għafsa kbira ta’ qalb mhux biss għall-familjari li jaraw lill-qraba tagħhom iħalluhom proprju f’ambjent fejn m’hemm l-ebda privatezza, “imma anki għalina li qed naħdmu f’sitwazzjonijiet ferm diffiċli. Għax imbagħad l-ordni hi li sfortunatament neħilsu mill-istess persuna li tkun għadha kemm għalqet għajnejha fl-inqas ħin possibbli. Għamilna żmien fejn saħansitra lanqas inkeffnu hawn lil min imut ma konna, imma dak li jkun jittieħed mill-ewwel fil-Mortwarja u mbagħad immorru hemmhekk biex inkeffnu aħna lill-anzjani li jkunu għadhom kemm mietu.”