Internazzjonali Kurżitajiet

“Minions” ġdid fiċ-ċinema minn Lulju li ġej

Fans tal-minions minn Lulju li ġej, jistgħu jgawdu l-film il-ġdid t’animazzjoni “Minions”, din id-darba bis-sehem tal-attriċi Sandra Bullock bħala l-ewwel persunaġġ femminili kattiv.

Bullock tinterpreta r-rwol ta’ Scarlet Overkill, l-imgħallem il-ġdid li jippruvaw jakkwistaw il-minions wara li għal darb’oħra ma jirnexxilhomx iżommu mal-imgħallma ta’ qabel. Jiltaqgħu magħha wara li jibdew iwettqu l-pjan ta’ Kevin, li joħorġu fid-dinja jfittxu mgħallem ġdid imma kattiv.

Kevin, Stuart u Bob jivvjaġġaw minn Antartika għal New York, b’waqfa f’Londra fejn jispiċċaw jiffaċċjaw l-ikbar sfida tagħhom s’issa, li jsalvaw lill-ispeċi tagħhom mill-qerda assoluta.

B’soundtrack ta’ mużika tas-snin sittin, li għadha popolari sal-lum, “Minions” hu xogħol Illumination Entertainment u Universal Pictures. Hu prodott minn Chris Meledandri u Janet Healy b’direzzjoni ta’ Pierre Coffin u Kyle Balda.