Internazzjonali

Qorti fil-Ġermanja tiddeċiedi kontra l-projbizzjoni tax-xalel tar-ras

L-Ogħla Qorti fil-Ġermanja annullat il-projbizzjoni fuq ix-xalel tar-ras għall-għalliema fl-iskejjel tal-Istat u li fissret bħala miżura ‘anti-Kostituzzjonali’.

Il-qorti ddeċidiet li l-projbizzjoni li kienet ilha effettiva mill-2004 ‘tabbuża l-liberta ta’ persuna biex tesprimi r-reliġjon tagħha’. Dan wara li żewġ nisa, it-tnejn għalliema Musulmani, ressqu l-każ minħabba li kienu mġiegħlha jużaw ‘mod alternattiv’ biex jgħattu rashom.

Il-projbizzjoni kienet imposta fuq il-bażi li x-xalel tar-ras jistgħu jirriżultaw f’’telf tal-ordni’ fil-klassi, bil-potenzjal li jqumu d-domandi dwar ‘in-newtralita tal-għalliem inkwistjoni’. Fl-istess ħin, is-simboli tal-Kristjani kienu eżenti mill-projbizzjoni.

Intant, il-qorti inkwistjoni ddeċidiet li l-iskejjel, ‘il quddiem, iridu jindikaw ‘sogru speċifiku’ li jista’ jiġġustifika direttiva rigward ix-xalel tar-ras fuq il-kriterji preċedenti.

Il-qorti anki ddikjarat bħala ‘diskriminatorja’ l-klawsola li kienet teżenti ‘l-valuri jew it-tradizzjonijiet kulturali u edukattivi tal-Kristjani mill-projbizzjoni inkwistjoni’.