Lokali

Tal-IVA jesprimu sodisfazzjoni għall-pożizzjoni li ħadu l-Mexxejja politiċi fil-Parlament dwar ir-Referendum

Il-Kampanja tal-IVA għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-pożizzjoni li ħadu ż-żewġ Mexxejja politiċi fil-Parlament, li ddikjaraw li fil-11 ta’ April se jivvutaw favur id-Deroga li pajjiżna kiseb mill-Unjoni Ewropea.

IVA Bħala Maltin u Ewropej qalet li bil-pożizzjoni tagħhom, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed ikunu konsistenti mal-mandat u t-twemmin personali tagħhom. Il-Kampanja qalet li Muscat u Busuttil huma tekniċi biżżejjed, minħabba li kienu Membri Parlamentari Ewropej, u kapaċi jirrikonoxxu d-dritt ta’ Stat Membru li japplika Deroga.

Il-Kampanja IVA fakkret li d-Deroga kienet parti min-negozjati ta’ pajjiżna mal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, id-deċiżjoni tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi msejsa fuq is-sostenibbiltà li toħroġ mid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.