Qorti

The Times jingħata raġun dwar persuna li ċaħħdet lill-pubbliku milli jgawdi aċċess fil-Victoria Lines

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, qalet li rapport li deher fil-ġurnal The Times fit-18 ta’ Frar tal-2013, dwar persuna li bl-aġir tiegħu ċaħħad lill-pubbliku milli jgawdi aċċess għall-Victoria Lines, limiti tar-Rabat, minħabba bini illegali, kien każ ta’ ġurnaliżmu investigattiv li għandu jingħata protezzjoni f’soċjetà demokratika, anke jekk ċerti allegazzjonijiet jiġu miċħuda minn dak milqut.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li l-imsemmi artiklu mhux wieħed libelluż u għalhekk ma laqgħetx it-talba ta’ Charles Foca f’kawża ta’ libell għad-danni, li huwa kien ippreżenta kważi xahar wara li kien deher l-artiklu, liema artiklu kellu t-titlu “Private Terrace Built at Victoria Lines”.

Wara li semgħet il-provi, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Foca ħassu mmalafamat bl-artiklu peress li kien impinġi bħala persuna vjolenti filwaqt li saħaq li huwa kien sar jaf bl-artiklu biss dakinhar li ġie pubblikat meta ġie kkuntattjat minn Uffiċjal tal-Infurzar tad-Dipartiment tal-Artijiet li kien laqqmu bħala “cowboy” u għarrfu li d-Dipartiment kien se jieħu passi kontrih.

Skont l-istess Foca, huwa kellu kamra fil-Victoria Lines u l-ġurnal ippubblika ritratt tiegħu. Qal li kien jinsab f’negozjati mad-Dipartiment tal-Artijiet sabiex jingħata biċċa art li tmiss mal-kamra tiegħu, liema art huwa kien għalaq diġà permezz ta’ ħajt u ċint u li kien qed jagħmel użu privat minnu.

Jirriżulta wkoll li Foca kien beda n-negozjati mad-Dipartiment tal-Artijiet, riżultat ta’ Avviż ta’ Infurzar li kien ħareġ f’Awwissu tas-sena 2011. Jirriżulta wkoll li wara li dehret l-istorja, l-awtoritajiet marru fuq il-post flimkien mal-Pulizija u gaffa u neħħew il-ħitan u l-affarijiet kollha illegali li Foca kien tella’ fuq din l-art. Dan kien ġie irrappurtat fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha lokali.

Mill-provi, irriżulta wkoll li Charles Foca ħassu urtat mill-fatt li ħbieb tiegħu bdew jikkuntattjawh u jistaqsuh x’kien ġara dwar il-post tiegħu ġewwa Victoria Lines, u dan minħabba l-pubbliċità li ngħatat il-propjetà okkupata minnu. Kien għalhekk li huwa beda proċeduri.

Jirriżulta li l-Awtoritajiet kompetenti ma’ kellhomx informazzjoni dwar min kien qiegħed jokkupa l-art li fuqha kien sar żvilupp illegali. Il-ġurnalist Patrick Cooke, li kiteb l-istorja u li flimkien mal-Editur tal-ġurnal The Times Steve Mallia, sar il-libell kontrih, qal li ma kienx f’pożizzjoni li jikkomunika ma’ Foca qabel ippubblika l-artiklu, u l-istess Foca lanqas biss issemma’ f’dan l-artiklu.

Jirriżulta li ttieħed ritratt tal-post ta’ Foca mhux b’intenzjoni li ssir ħsara lilu iżda biex jiġu mgħarrfa l-awtorijiet kompetenti fuq illegalità li kellha titneħħa, liema informazzjoni kellha l-eżitu mixtieq wara 17-il sena. Kienu xi turisti li kienu taw ukoll informazzjoni lill-ġurnal dwar in-nuqqas ta’ aċċess f’żona daqstant importanti u pittoreska.

Il-Maġistrat Depasquale qal, fis-sentenza tiegħu, li tali ġurnaliżmu huwa eżempju ċar tal-funzjoni essenzjali li l-mezzi tax-xandir għandhom ikollhom bħala “public watchdog” biex jipproteġu l-interessi tal-pubbliku in ġenerali, u li l-Qorti għandha d-dmir li tipproteġi dan it-tip ta’ ġurnaliżmu peress li hu neċċessarju għal soċjetà demokratika bħalma hija dik Maltija.