Internazzjonali

Ħtieġa urġenti biex tinstab soluzzjoni għal-Libja

Hemm l-inkwiet li t-taħditiet għall-paċi fil-Libja se jintemmu kmieni u mingħajr ir-riżulat mixtieq wara li r-rappreżentanti tal-Gvern Libjan ta’ Tobruk, li jgawdi l-għarfien internazzjonali, ma attendewx l-aħħar sessjoni tad-djalogu fil-Marokk.

Il-medjatur tan-Nazzjonijiet Uniti, Bernardino Leon, iltaqa’ mal-Gvern Libjan ta’ Tripli li għandu l-appoġġ tal-Iżlamiċi u li hu r-rivali tal-Gvern ta’ Tobruk. Iżda waqt li l-Punent u n-NU qed jittamaw li jwasslu għal Gvern tal-għaqda nazzjonali fil-Libja, hemm ftit sinjali ta’ impenn mill-qawwiet Libjani rivali, bil-battalji bejn il-gruppi armati qed ikomplu fil-Libja.

Il-Gvern ta’ Tobruk kien ilu jitlob il-posponiment tat-taħditiet u n-Nazzjonijiet Uniti, issa, qablet dwar dan. Kelliema tan-NU qalu wkoll li t-taħditiet mar-rappreżentanti tal-entitajiet Libjani għandhom ikomplu l-ġimgħa d-dieħla.

Wara li kkonkludew il-laqgħat fil-Marokk, Bernardino Leon qal li l-proċess ta’ djalogu jeħtieġ iwassal għal soluzzjoni għaliex il-Libja ma tistax tistenna aktar. Għaldaqstant, hu ittamat li r-rappreżentanti tan-naħat Libjani kollha jirritornaw madwar il-mejda, nhar il-Ħamis, biex jindirizzaw l-aħħar fażi tat-taħditiet kruċjali.