Storja fil-faċċata ta’ In-Nazzjon dalgħodu żvelat kif sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar id-delitt ta’ Silvana Muscat, il-mara ta’ 36 sena li nhar il-Ħamis instabet mejta fis-sodda tagħha f’appartament f’Buġibba, żvelaw li l-mowbajl tal-aggressur jista’ jkun kruċjali biex dan jinqabad fil-pajjiż fejn qiegħed u jkun estradit lejn Malta.
‘In-Nazzjon’ hi infurmata li wara li Giomaiba Mhammed Nooreddin ta’ 35 sena, magħruf ukoll bħala Ja Jean, ħalla Malta nhar l-Erbgħa filgħaxija fuq titjira tar-Ryanair lejn Bergamo fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, hu xegħel it-telefown ċellulari tiegħu appena niżel fl-ajruport ta’ Bergamo.
Għall-investigaturi, dan kien żvilupp mill-aktar importanti għaliex kemm-il darba dan il-mowbajl jibqa’ mixgħul, allura l-Pulizija tal-Interpol – ladarba ssir it-talba mill-Pulizija Maltija biex tibda tfittxija uffiċjali għal dan il-Libjan – tkun tista’ tillokalizzah u anke tarrestah biex jiffaċċja l-ġustizzja wara dan il-qtil makabru.
Mhux magħruf jekk fl-Italja Giomaiba Mhammed Nooreddin għandux xi konnessjonijiet, iżda li hu żgur hu li wara li hu allegatament wettaq id-delitt fl-appartament f’Buġibba, kien għall-ħabta tas-7.30pm ta’ nhar l-Erbgħa li saq mill-ewwel lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fittex liema kienet l-ewwel titjira li seta’ jibbukkja u hekk kif sab li seta’ jħalli Malta abbord titjira tar-Ryanair lejn Bergamo, qata’ l-biljett mingħand il-kumpanija Globe Ground li hija ground handling agent fl-MIA.
Dan kollu jfisser ukoll li bejn il-ħin li fih twettaq id-delitt sal-ħin li dan il-Libjan ħalla Malta kienu għaddew biss ftit aktar minn siegħa. Iżda ħadd ma seta’ jintebaħ b’dak li kien ġara għalkemm waħda mill-ħbieb ta’ Silvana Muscat bdiet iċċemplilha b’mod ripetut u ma kellha l-ebda tweġiba.
L-għada, jiġifieri l-Ħamis filgħodu, din l-istess ħabiba kompliet iċċempel lil Silvana Muscat iżda għal darba oħra ma kellha l-ebda tweġiba. Kien hemm li din il-persuna ċemplet lil oħt Silvana Muscat u qaltilha li kienet qed tipprova taqbad lil oħtha iżda ma kienet qed tweġibha fl-ebda ħin.
Hawnhekk membri tal-familja ta’ Silvana Muscat marru fl-appartament fi Triq l-Isponoż f’Buġibba, fejn ilha toqgħod għal dawn l-aħħar ftit ġimgħat, u wara li ħabbtu l-bieb ripetutament iddeċiedew li jċemplu lil missier Silvana Muscat li mar u fetaħ hu biċ-ċwievet il-bieb tal-appartament fejn instab xi taqlib relattivament żgħir. Instab ukoll xi demm li ħasseb lill-qraba ħażin.
Iżda qalbhom ħebrithom ħafna aktar meta l-bieb tal-kamra tas-sodda kien imsakkar u minkejja li sejħulha diversi drabi Silvana baqgħet ma rrispondithomx. Kien hawn li oħtha daħlet mit-tieqa tal-kamra tas-sodda l-oħra biswit fejn kien hemm il-kamra tas-sodda msakkra u hemmhekk sabet lil oħtha mejta fis-sodda b’daqqiet kbar fuq wiċċha. Hi kienet mgħottija b’kutra u mdawra b’ħafna demm, kemm fuq is-saqqu kif ukoll fuq l-imħadda fejn rasha kienet qed tistrieħ.
Sadanittant matul il-ġurnata tal-bieraħ saret l-awtopsja fuq il-katavru tal-vittma u nstab li din mietet kaġun tal-feriti gravi u kbar tad-daqqiet bis-sikkina li qalgħet mingħand l-aggressur tagħha li laqatha f’partijiet vitali fil-parti ta’ fuq tal-ġisem tagħha – saħansitra f’wiċċha fejn għamlilha ġerħa tassew kbira.
//= $special ?>