Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid iwettaq bidla fil-ħajja ta’ kuljum

“Ta’ tletin sena għamilt test tad-demm u sabuli kolesterol għoli ħafna. It-tabib kien qalli li wħud mill-kawżi jistgħu jkunu l-ikel li qed niekol, il-ħinijiet li niekol fihom u nuqqas ta’ eżerċizzju”. Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li uża dan l-eżempju minn ħajtu waqt l-indirizz tiegħu fi tmiem il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Obeżita’, organizzata mill-Partit Nazzjonalista.“Minn hemm biddilt l-istil ta’ ħajti,” kompla Simon Busuttil li qal li din kienet esperjenza li mmarkatu u kellu jibda jaħdem b’mod proattiv.

Simon Busuttil qal li anke’ f’dan is-sens, il-Partit Nzzjonalista jrid jagħmel il-bidla fis-soċjetà u fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll lokali permezz tal-Kunsilli Lokali. Dan għaliex fakkar kemm problemi ta’ piż isarrfu fi problemi personali imma wkoll lill-pajjiż bħal pereżempju l-ispiża kbira fuq is-settur mediku.

Din il-konferenza dwar l-obeżità u l-ħajja sana, li kienet il-ħolma tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, saret fid-dawl tal-Abbozz ta’ Liġi dwar Stil ta’ Ħajja Sana biex  titnaqqas l-obeżita’ f’pajjiżna. Dan kien abbozz li tħejja mill-Oppożizzjoni u ġie approvat fil-Parlament.

Filwaqt li ddeskriva din il-konferenza bħala xhieda tal-motto għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-11 t’April li ġej ‘Nagħmlu Differenza’, fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar kif din il-konferenza, kif ukoll l-abbozz li tressaq, juri kif il-Partit Nazzjonalista qed iwettaq fil-prattika dak li qed jitkellem fuqu.

Semma’ tliet azzonijiet li ħadet l-Oppożizzjoni f’sentejn jiġifieri t-twaqqif ta’ working group fil-Parlament bejn deputati miż-żewġ naħat tal-kamra biex jaħdmu fuq il-ġlieda kontra d-diabete fejn illum hemm ħdax-il deputat li jiltaqgħu regolarment.

Semma’ wkoll kif l-Erbgħa li ġej tibda tiġi diskussa mozzjoni dwar is-saħħa li tipproponi li issa li ddaħħlet il-cross border directive tal-Unjoni Ewropea, li tagħti d-dritt liċ-ċittadini li jirċievu kura medika lil hinn minn xtuthom, din tiddaħħal iktar effettivament f’pajjiżna billi jiżdied id-dritt fil-liġi Maltija li min ma jinqediex jieħu kura fi sptar privat hawn Malta. Din il-mozzjoni tressqet mid-Deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista Claudio Grech.

Simon Busuttil fakkar kif l-obeżita’ tikxef ukoll problemi oħra għas-soċjeta’ bħalma hu l-faqar. Dan għaliex jekk wieħed ibagħti finanzjarjament, iktar se jdur lejn ikel irħis u ta’ kwalita’ inferjuri.

Il-Konferenza Nazzjonali bdiet b’ikla sana, u kienet indirizzata wkoll minn numru ta’ esperti lokali u internazzjonali dwar dan is-suġġett. Fost dawn il-fiżjoterapista Alan Zammit li rrappreżenta lil Malta fl-atletika u l-futbol, iċ-ċerman tal-Cardiothoracic Surgery fl-Isptar Mater Dei Alexander Manche, il-Psikjatra Anton Grech, id-Direttur tal-istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport fl-Università ta’ Malta Andrew Decelis, il-Professur Clare Gerada kif ukoll il-fundatriċi u Kap Eżekuttiv ta’ Health 2020 fir-Renju Unit Julia Manning.

Dawk preżenti kellhom l-opportunità jisimgħu wkoll l-esperjenza ta’ Cyprian Dalli, li kien obeż imma beda jitlef il-piż u ilu għall-aħħar għaxar snin ilu attiv fil-qasam sportiv. Illum hu wkoll il-President tal-Federazzjoni Nazzjonali tat-Thriatlon.

Matul il-Konferenza Nazzjonali saru wkoll interventi mill-Kelliema tal-Oppozizzjoni Claudette Buttigieg u David Agius sakemm finalment intemmet b’mixja fil-Park tal-Majjistral.