Internazzjonali

Jeħlu l-ħabs minħabba l-inbieħ tal-klieb

Koppja miżżewġa fi Spanja weħlu 21 xahar ħabs wara li l-ġirien ilmentaw dwar l-inbieħ eżaġerat tal-klieb tagħhom.

Qorti fil-belt ta’ Granada li ħarġet is-sentenza ddeċidiet ukoll li l-koppja, Immaculada Rodriguez u żewġha, Nicolas Garcia, iridu jħallsu mat-3,000 ewro f’multi. Sadanittant, it-tifla tal-koppja bdiet petizzjoni fuq l-Internet (permezz tal-websajt Change.org) bl-iskop li jaqgħu l-akkużi fil-konfront tal-ġenituri tagħha.

Il-petizzjoni tidher li qed tirnexxi, peress li f’qasir żmien iġġenerat ‘il fuq minn 74,000 ‘firem ta’ appoġġ’, inklużi tal-kantant Spanjol, Melendi u Frank Cuesta, magħruf sew bħala personalita tat-televiżjoni.

Wieħed mill-ġirien tal-koppja kien ilu mill-2010 jilmenta dwar ‘l-effetti tal-inbieħ tal-klieb’ u qal li ‘hu spiċċa jbati b’kundizzjoni fejn qalbu kienet qed tħabbat b’ritmu mgħaġġel’. Hu semma, bħala eżempju, ‘l-ansjeta li kien iħoss meta kellu jistudja għal eżami u ma setax minħabba l-istorbju tal-klieb’.

Sadanittant, Immaculada Rodriguez u Nicolas Garcia komplew jirribattu l-akkużi tal-ġirien u anki qabbdu investigatur privat biex jissorvela z-zona residenzjali tagħhom bl-iskop li jaċċerta ‘li l-klieb m’humiex qed jinbħu’.