Ambjent Lokali

L-Imħallef Giovanni Bonello jgħid lir r-referendum huwa trijonf għas-soċjeta’ ċivili

L-Imħallef Giovanni Bonello sejjaħ lir-referendum li ġej dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa bħala “trijonf għas-soċjetà ċivili”, f’diskors li għamel il-Ġimgħa filgħaxija fis-sede ta’ Din l-Art Ħelwa waqt il-ftuħ ta’ wirja tal-arti li għandha l-għan li tiġbor fondi għall-kampanja Spring Hunting Out (SHout).

Huwa saħaq li din hija l-ewwel darba li l-pubbliku talab li jsir referendum wara li petizzjoni ġiet iffirmata minn aktar minn 40,000 persuna. Għalhekk il-11 ta’ April se jkun jum li għandu jibqa’ mniżżel fl-istorja ta’ Malta u ħeġġeġ lil kull ċittadin biex dakinhar joħroġ jivvota.

“Il-lobby favur il-kaċċa ilu s-snin jhedded lill-partiti tagħna bil-voti tagħhom, sabiex jakkwistaw dak li jridu. Dan hu abbuż tal-valuri ġusti li d-demokrazija tipprovdilna. Issa hu l-waqt li nuru li d-demokrazija tirrigwarda dak l-poplu jrid għal pajjiżu, għal uliedu u l-wirt naturali tiegħu. Huwa tenna l-affermazzjoni tiegħu li “rebħa tal-LE mhi se tolqot lill-ebda delizzju ieħor.”

Huwa rrefera għal għadd ta’ xogħolijiet tal-arti li kien hemm madwaru u qal, “Dawn huma eżempji ta’ kif id-delizzji u l-okkupazzjonijiet jistgħu jkunu modi ta’ kif tiġi apprezzata s-sbuħija tan-natura. Imma l-passatempi li jeqirdu l-ħlejjaq tan-natura b’mod mhux sostenibbli mhumiex aċċettabbli.”

B’kollox hemm 45 artista li kkontribwew xogħolijiet minn tagħhom b’appoġġ għat-twaqqif tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Fil-kollezzjoni hemm firxa sħiħa ta’ ġeneri tal-arti, fosthom pittura, fotografija, skultura, kartuns u ċeramika. Dawn ix-xogħolijiet tal-arti ġew fil-biċċa l-kbira tagħhom mogħtija minn artisti Maltin sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li jitħares l-ambjent naturali tagħna.

Il-wirja kollettiva mtella’ minn SHout, imsemmija “Artisti magħqudin biex jipproteġu l-għasafar fir-rebbiegħa” se tkun miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas għal ġimgħatejn bejn l-14 u s-27 ta’ Marzu, bejn l-10am u l-4pm mit-Tnejn sas-Sibt.