Tnieda l-programm uffiċjali taċ-ċelebrazzjoni tal-Ingress Solenni tal-Arċisqof ta’ Malta li se ssir nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu filgħodu.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof l-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-Kurja Kevin Papagiorcopulo qal li din se tkun ċerimonja storika għall-Knisja. L-aħħar ċelebrazzjoni li fiha l-Arċisqof kien ħalla l-Knisja ta’ San Duminku lejn il-Kattidral tal-Imdina kien 71 sena ilu – f’Mejju 1944.
Monsinjur Paul Vella spjega s-sinjifikat wara l-istemma magħżula mill-Arċisqof elett Monsinjur Charles J Scicluna li fit-tema ċentrali tagħha turi żiemel abjad fuq sfond aħmar. Iż-żiemel abjad jissimbolizza l-Apokalissi. Il-frażi magħżula mill-Arċisqof elett ‘Fidil u Veru’ hija wkoll meħuda mill-Apokalissi. L-isfond aħmar juri l-passjoni u l-martirju ta’ Kristu. Fl-istemma jidhru wkoll il-qamar – sinjal ta’ dawl f’mumenti ta’ dlam u l-fjura – li jirrappreżenta lil Marija.
Fr Michael Bugeja spjega li l-programm taċ-ċelebrazzjoni tal-Ingress se jkun maqsum f’żewġ partijiet ewlenin – il-mixja li se tieħu lill-Arċisqof elett mid-dar privata tiegħu sal-Katidral u wara ċ-ċelebrazzjoni nnifisha li se ssir fil-Katidral tal-Imdina. Huwa mistenni li għall-ħabta tat-8.15 l-Arċisqof elett Monsinjur Charles J Scicluna jħalli d-dar tiegħu għall-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal-Lija.
Matul il-mixja l-Arċisqof se jieqaf għal mumenti ta’ talb u riflessjoni f’numru ta’ postijiet marbuta ma’ devozzjonijiet partikolari fir-Rabat bħal ma huma s-Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa u s-Santwarju tal-Madonna tal-Għar u l-Knisja ta’ San Pawl – il-patrun tal-Fidi f’Malta.
Iċ-ċelebrazzjoni kollha tal-Ingress Solenni tal-Arċisqof se tkun ixandra b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet ewlenin Maltin tat-televiżjoni. Fil-pjazza tal-kattitdral tal-Imdina se jintrama wkoll big screen u fil-pjazza se jkun hemm is-siġġijiet għal dawk li jixtiequ jsewgu ċ-ċerimonja mill-Imdina stess.
//= $special ?>