Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa mill-ġdid appella biex il-Gvern tal-Ażerbajġan jirrispetta d-domandi tal-komunita internazzjonali u jeħles Kap tal-Oppożizzjoni ewlieni li qed jiskonta priġunerija mingħajr raġuni valida.
Ilgar Mammadov kien arrestat fl-Ażerbajġan fi Frar tal-2013 u fejn tressqulu l-akkużi li kien qed jinċita l-vjolenza tal-massa. L-arrest seħħ meta Mammadov kien qed jivvaġġa lejn il-Majjistral tal-Ażerbajġan biex jirrapporta dwar l-irvellijiet fit-toroq u proprju s-sena l-oħra, qorti fil-kapitali Baku ikkundannatu għal seba’ snin ħabs.
Din il-kundanna ibbażat fuq akkużi qarrieqa li saru bi skop politiku u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani iddeċidiet li l-arrest ta’ Mammadov kien sar b’abbuż tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Aktar ‘il quddiem il-Qorti fi Strasbourg ċaħdet l-appell tal-Gvern Ażeri immexxi mill-President Ilham Aliyev, bil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jinsisti dwar il-ħelsien immedjat ta’ Mammadov, f’Diċembru tal-2014
Madankollu, l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan injoraw it-talbiet tal-Kunsill tal-Ewropa u minkejja li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani iddeċidiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni Ażeri kien spiċċa arrestat mingħajr provi. Fil-fatt, il-proprju skop wara l-arrest u l-priġunerija ta’ Mammadov kien biex il-Gvern tal-Ażerbajġan jagħlaqlu ħalqu u jpattihielu talli kien jikkritika kontinwament l-amministrazzjoni ta’ Aliyev.
Ilgar Mammadov hu wieħed biss fost numru ta’ priġunieri ta’ kuxjenza li ntefgħu l-ħabs fl-Ażerbajġan b’konnessjoni ma’ akkużi li x’aktarx huma infondati u li tressqu bi skop politiku.
Sadanittant, Denis Krivosheev, il-Viċi-Direttur tal-Fergħa tal-Asja Ċentrali tal-grupp Amnesty International, kellu kliem iebes ħafna għal Ilham Aliyev u skanta kif il-President Ażeri, is-sena l-oħra, kellu l-wiċċ li jippreżenta ruħu quddiem il-Kunsill tal-Ewropa u jiddikjara li l-liberta tal-kelma u l-assemblea ħielsa huma ggarantiti fl-Ażerbajan.
//= $special ?>

