Battibekk bejn il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-Ministeru tat-Trasport wara li l-lokalita ta’ Tas-Sliema kienet l-unika lokalita’ li kienet sospiża mill-iskema ta’ timed parking li sal-lum għadha fis-seħħ f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
L-istorja tmur lura għas-sena 2012 meta wara li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema introduċa din l-iskema fl-ewwel żona kienu qamu l-irwiefen kollha partikolarment wara protesti mill-MUT u mis-sidien tal-ħwienet. Dan wassal biex l-iskema tkun sospiza f’Tas-Sliema biss – xi ħaġa li urtat lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema li minnufih beda jiltaqa’ mal-Ministeru tat-Trasport u ma’ uffiċjali ta’ Transport Malta biex tinstab soluzzjoni.
Lura f’Settembru 2014 il-Kunsill ta’ Tas-Sliema kien infurmat li kien tfassal pjan ħolistiku li kien se jkun ipprezentat fil-kabinett fi ftit jiem.
Madanakollu ftit wara l-istess Ministeru reġa’ informa lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema li dan il-pjan ħolistiku kien tpoġġa fuq l-ixkaffa biex ikun studjat l-impatt tas-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku fuq it-traffiku u l-parkeġġ. Il-kunsill ma ngħata l-ebda data ta’ meta se jkun lest dan l-istudju.
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop sostna li dan kien ifisser li madwar sena u nofs ta’ diskussjonijiet taru mar-riħ minkejja li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien qed jittama li d-diskussjonijiet li kienu qed isiru kienu se jwasslu għal xi soluzzjoni.
Il-Kunsill ta’ Tas-Sliema qed jitlob li tinstab soluzzjoni għal din il-problema fid-dawl tal-fatt li, minn dak inhar sal-lum, is-sitwazzjoni tal-parkeġġ f’Tas-Sliema baqgħet tiggrava.
//= $special ?>