Internazzjonali

Tensjoni bejn iċ-Ċina u Myanmar wara attakk qattiel minn ajruplan

L-awtoritajiet Ċiniżi insistew biex il-Gvern ta’ Myanmar jaċċerta li ‘ssir il-ġustizzja ma’ min ħaqqu’ wara li ajruplan militari ta’ dan il-pajjiż waddab bomba ġo għalqa fl-artijiet taċ-Ċina qrib il-fruntiera, bir-riżultat li mietu u indarbu numru ta’ ċivili.

L-inċident seħħ meta l-ajruplan kien involut fil-ġlied kontra grupp ta’ ribelli fl-inħawi tal-fruntiera komuni, bl-ajruplani militari Ċiniżi, aktar tard, javviċinaw l-inħawi biex iħarsu kontra inċidenti simili waqt li jevalwaw is-sitwazzjoni.

Sadanittant, l-awtoritajiet Ċiniżi sejħu lill-Ambaxxatur ta’ Myanmar biex jiddiskutu miegħu l-inċident, bi Liu Zhenmin, il-Viċi-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, jinsisti li Myanmar għandu d-dmir li jinvestiga ċ-ċirkostanzi u jara li ssir il-ġustizzja mal-elementi responsabbli.

Sadanittant, ma kien hemm l-ebda reazzjoni uffiċjali u immedjata min-
naħa ta’ Myanmar, li l-qawwiet tiegħu qed jiġġieldu kontra r-ribelli etniċi separatisti fir-reġjun tal-fruntiera, man-naħa l-oħra tal-provinċja Ċiniża ta’ Yunnan.